“It-trakka tal-karozzi żgur mhix se ssir minflok il-ġnien ħdejn il-Freeport”

    “It-trakka tal-karozzi żgur mhix se ssir minflok il-ġnien ħdejn il-Freeport.” Hekk saħqet is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli fuq il-midja soċjali wara li lbieraħ kien hemm min għamlilha mistoqsijiet f’dan ir-rigward.

    Farrugia Portelli saħqet li l-awtoritajiet kompetenti qed jidentifikaw post li fuqu jkunu jistgħu jsiru studji konkreti dwar trakka tal-motorsport wara li sejħa pubblika ma kinitx wasslet għal riżultati.

    Filwaqt li saħqet li eskludiet li t-trakka kienet se tkun żviluppata fil-ġnien li jinsab ħdejn il-Freeport, kompliet tgħid li fuq dan il-proġett il-Gvern qed jimxi b’mod bilanċjat bla ma joqgħod jipprova jġelled lill-ambjentalisti u r-residenti mal-isportivi.

    Temmet tgħid li l-Gvern jibqa’ sal-aħħar miftuħ li jevalwa siti li jistgħu jkunu proposti minn kwalunkwe stakeholder.