"Ma stajtx ma nagħmilx li għamilt... jien u l-familja tiegħi ġejna insultati għal 90 minuta"

    Il-kowċ Portugiż José Mourinho ddefenda r-reazzjoni aħħarija tiegħu fil-logħba tal-bieraħ wara li Manchester United irnexxielhom jirbħu lil Juventus fl-aħħar minuti tal-logħba.

    “Ġejt insultat għal 90 minuta sħaħ, xogħli fil-grawnd kien li nmexxi t-tim. Fl-aħħar mill-aħħar ma insultajt lil ħadd, li għamilt kien biss ġest li juri li ridt nismagħhom aktar. Ma terġax tkun. Iżda ma stajtx nevita milli nagħmel dak li għamilt wara li nżilt fil-grawnd bħala professjonist u ġejt insultat jien u familti. Ma rridx naħseb aktar dwarha.”

    Murinho tkellem dwar ir-rebħa tat-tim tiegħu, rebħa importanti li ħalliethom fit-tieni post tal-grupp. Huwa ma naqasx milli jfakkar li bħalissa Juventus jinsabu għaddejjin minn perjodu pożittiv ferm li kompla jinbena f’dawn l-aħħar snin. Qal li bl-akkwist ta’ Ronaldo huma komplew juru li Juventus huwa tim li jixtieq jirbaħ kollox, iżda li t-tim tiegħu kien qalbieni biżżejjed biex jegħleb lil dan l-istess tim.