Gareth Bale ma’ Man Utd fis-sajf?

    Il-winger ta’ Real Madrid Gareth Bale jinsab fuq quddiem sabiex jiġi akkwistat minn Manchester United. Dan it-trasferiment mistenni jseħħ matul is-sajf li ġej bil-player li jista’ jmur jilgħab f’Old Trafford bi prezz irħas minn dak li attwalment jiswa. Il-prezz fis-suq tat-trasferimenti għall-player internazzjonali minn Wales tbaxxa xi ftit u issa ġie jiswa madwar €80 miljun.

    Id-diriġenti tal-Merengues ammettew li żbaljaw meta ħasbu li Bale seta’ jimla l-vojt li ħalla Cristiano Ronaldo li ngħaqad ma’ Juventus.

    Il-player ta’ 29 sena minn Cardiff jista’ jbiddel dan ix-xenarju fix-xhur li ġejjin dejjem jekk itejjeb il-wirjiet tiegħu fil-belt kapitali Spanjola. Minkejja kollox, ir-Red Devils huma lesti għalih u xi diriġenti tat-tim sostnew li huma fiduċjużi li dan il-player ser ikun qed jilbes il-flokk aħmar tat-team fis-sajf li ġej.