Bosta trakkijiet u sewwieqa jakkumpanjaw lil Chris Marlin fl-aħħar “vjaġġ”

    Hekk kif aktar kmieni waranofsinhar ingħatat l-aħħar tislima lil Chris Marlin, is-sewwieq ta’ mutur li tilef ħajtu traġikament f’inċident li seħħ mar-roundabout tax-Xintill, f’Ħal Tarxien, fuq il-midja soċjali baqgħu jispikkaw il-messaġġi biex ifakkru l-karattru mill-aktar ferrieħi ta’ Marlin.

    Għall-funeral spikkat il-preżenza ta’ diversi trakkijiet ta’ Express Trailers u sewwieqa oħrajn li akkumpanjaw lil Marlin fl-aħħar vjaġġ tiegħu.

    Huwa kien raġel ta’ 50 sena residenti Ta’ Xbiex u li x’aktarx tilef il-kontroll tal-mutur tat-tip Kawasaki u ħabat fl-imsemmija roundabout. Fuq il-post issejħet ambulanza u tim mediku biex jassistu lis-sewwieq, iżda sfortunatament ġie ċċertifikat mejjet fil-post.

    Jumejn qabel l-inċident fatali Chris skuża ruħu fuq il-midja soċjali fejn kiteb “skużawni jekk nġegħelkom tinkwetaw kull meta nirkeb fuq mutur”.