Esperti forensiċi jkomplu jixhdu dwar il-qtil ta' Daphne

    Numru ta' esperti forensiċi komplew jixhdu fil-kumpilazzjoni dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

    L-esperti xehdu dwar l-involviment tagħhom fil-ġbir ta' provi forensiċi mit-tinda tal-patata fejn ġew arrestati t-tliet akkużati, minn żewġ dgħajjes ta' tnejn mill-akkużati u mid-djar tagħhom.

    Huma xehdu kif elevaw, fost oħrajn, marki tas-swabi mill-imsemmija tinda u anke telefons ċellulari u għaddewhom lil esperti oħra għal aktar stħarriġ.

    B'dan id-delitt qed jiġu mixlijin George Degiorgio ta' 55 sena magħruf bħala ċ-“Ċiniż”, ħuh Alfred ta' 53 sena magħruf bħala “il-Fulu” u Vincent Muscat ta' 55 sena magħruf bħala “il-Koħħu”.

    Il-kumpilazzjoni dwar il-qtil li seħħ fis-16 ta' Ottubru li għadda, li qed tinstema quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, tkomplu llum il-Ġimgħa.

    Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Keith Arnaud u Kurt Zahra bl-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru għall-familja Caruana Galizia.

    George Degiorgio għandu jiddefendih lill-Avukat Josette Sultana, ħuh Alfred lill-Avukati William Cuschieri u Martha Muscat waqt li Muscat għandu jiddefendih lill-Avukat Martin Fenech.