L-akkużat jgħid li r-relazzjoni bejniethom bdiet minn sess bi ħlas

    Aktar kmieni dalgħodu, quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Michael Emmanuel ta’ 28 sena mill-Kosta tal-Ivorju akkużat bil-qtil tas-sieħba tiegħu Maria Lourdes Agius. 

    Fix-xhieda tiegħu l-Ispettur James Grech qal li dakinhar proprju għall-ħabta tas-7 a.m, l-akkużat daħal fl-Għassa u qal li l-mara ma kinitx qiegħda tiċċaqlaq. Spjega kif fil-post sabu lill-omm il-vittma li minn naħa tagħha qalet li bintha x’aktarx ma qamitx kawża ta’ vjolenza domestika li kienet sofriet jumejn qabel mingħand l-akkużat. Omm il-vittma, Maria, qalet ukoll li proprju jumejn qabel sabu lil bintha bla ħajja, l-akkużat kien sar vjolenti wara argument li żvolġa bejn il-koppja. L-akkużat allegatament beda jagħti lill-vittma u lil ommha tant li ż-żewġ nisa kellhom jittieħdu l-isptar minħabba ġrieħi li kienu sofrew.

    Fir-rapport tiegħu l-akkużat qal li dak il-lejl u hu l-vittma kellhom x’jaqsmu sesswalment u raqdu flimkien, iżda meta ġie biex iqajjem lill-mara, din ma rreaġixxietx. 

    Grech kompla jitkellem dwar il-ħidma tal-espert forensiku li mill-ewwel ra sinjali li qanqlu fih suspetti ta’ dak li aktar tard irriżulta fl-awtopsja. Mir-riżultat tal-awtopsja irriżulta li l-vittma kienet sofriet tbenġil ma’ ġisimha kollha u kellha xi feriti oħra.

    Mill-interrogazzjoni li saret irriżulta li Michael Emmanuel twieled il-Kosta tal-Avorju u ġie pajjiżna illegalment fuq dgħajsa fl-2011. Mal-Pulizija hu qal li talabha li jkollha x’taqsam sesswalment miegħu għal €60, iżda mbagħad għexu flimkien għal tliet xhur u komplew bir-relazzjoni tagħhom. Ftit wara rriżulta li l-vittma kienet tqila u t-tarbija ma kinitx tal-aggressur. Minkejja dan, xorta għażel li jrabbiha.

    Il-vittma ta’ 35 sena nstabet maqtula fgata fil-kamra tas-sodda tagħha f’Raħal Ġdid minn ommha, fil-15 ta’ Settembru li għadda. Hija kienet omm ta’ sebat ulied fosthom tlieta minn tal-akkużat.

    Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi James Grech u Sarah Zerafa, filwaqt li l-avukati Michael u Lucio Schria qed jidhru għall-akkużat li wieġeb mhux ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih.