Raġel arrestat fil-Ġermanja b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Bulgara Viktoria Marinova

    L-awtoritajiet Bulgari qalu li r-raġel li ġie arrestat b’rabta mal-mewt tal-ġurnalista Bulgara Viktoria Marinova huwa Severin Krasimirov. Jidher li dan ġie arrestat fil-Ġermanja.

    Il-Ministru tal-Intern Bulgaru, Mladen Marinov, qal li d-DNA tas-suspettat kienet taqbel mal-evidenza li nstabet fuq ix-xena tar-reat. Skont l-evidenza li hemm s’issa, jidher li Marinova ma nqatlitx minħabba x-xogħol tagħha fil-ġurnaliżmu. Sko­nt il-prosekutur Sotir Tastasarov, jidher li dan l-attakk kien wieħed spontanju. Minkejja dan, Tastasarov qal li qiegħda tiġi eżaminata kull possibbiltà.

    Severin Krasimirov kien ħalla l-Bulgarija lejn il-Ġermanja nhar il-Ħadd li għadda, sewwasew ġurnata wara li seħħ il-qtil. Is-suspettat kien akkużat fil-Bulgarija, u immedjatament ħareġ mandat ta’ arrest. L-awtoritajiet qalu wkoll li r-raġel li kien ġie arrestat nhar it-Tlieta li għadda fil-Bulgarija ġie meħlus mingħajr l-ebda akkuża. 

    Il-ġisem bla ħajja ta’ Viktoria Marinova nstab nhar is-Sibt li għadda f’park fit-Tramuntana tal-belt ta’ Ruse, qrib ix-xmara Danubju. Jidher li Marinova sfat stuprata, imsawta u fgata. 

    Il-mowbile tagħha, ċwievet, nuċċali u xi ħwejjeġ kienu neqsin.