“Dak li qal Busuttil dwar Egrant bl-ebda mod ma hi xi pożizzjoni uffiċjali tal-partit”

    Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Hermann Schiavone għamilha ċara li d-dikjarazzjoni tal-eks Kap tal-PN Simon Busuttil dwar Egrant kienet x’jemmen hu personali, iżda bl-ebda mod ma hi xi pożizzjoni uffiċjali tal-partit. 

    F’żewġ okkażjonijiet fil-Parlament matul din il-ġimgħa, Busuttil baqa’ jinsisti li huwa għadu jemmen li l-kumpanija Egrant hija tal-Prim Ministru minkejja li inkjesta indipendenti uriet mod ieħor.

    Schiavone, li huwa qrib ħafna tal-Kap tal-PN Adrian Delia, irrikorra għall-Facebook biex jgħid li d-dikjarazzjoni ta’ Simon dwar Egrant kienet x’jemmen hu personali “kif għandu kull dritt.”

    Huwa żied jgħid li pero’ din id-dikjarazzjoni “bl-ebda mod ma hi xi pożizzjoni uffiċjali tal-partit. Il-Kap tal-Partit kemm-il darba saħaq li għandu fiduċja sħiħa fil-maġistrat inkwerenti u l-partit jaċċetta l-konklużjonijiet tar-rapport Egrant.”

    Il-post ta’ Schiavone wassal għal battibekk bejnu u bejn l-Avukat Andrew Borg Cardona, wieħed mill-iktar persuni qrib Busuttil. Waqt li Dr Borg Cardona qallu “min staqsiek, żatat?”, Schiavone rrispondieh billi qallu “min staqsiek taqra l-post melħa?” 

    L-Avukat Borg Cardona wieġbu: “Hermann Schiavone skużani li qrajt il-post pubbliku, “onorevoli” u pronta kienet ir-risposta tal-Membru Parlamentari Nazzjonalista li qallu: “Andrew Borg Cardona skużat u lest dottore. Ma kontx nagħmlek daqshekk sensittiv.” 

    Tal-ewwel reġa’ qallu biex ma jipprovax jiżżufjetta għax ma kellux kredenzjali biex ikun leġġer, bi Schiavone jgħidlu “parir ta’ ħabib mhux ta’ avukat. Get a life.” 

    Kien hawn li l-Avukat Borg Cardona qallu: “Hermann Schiavone ħbiebi ma jġibux ruħhom bil-mod li donnok għażilt li timxi int. Żomm il-pariri pwerili għal dawk li tagħmilha magħhom.”