In-nisa jammettu iktar li għandhom dipressjoni

    Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali John Cachia huwa tal-fehma li hawn iktar nisa li jidhru li għandhom dipressjoni kronika mill-irġiel għax iktar jammettu l-problema.

    Dan il-ġurnal talbu r-reazjoni għall-istatistika maħruġa mill-Eurostat dwar id-dipressjoni kronika fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali fejn minnha jirriżulta li l-persuni li jbatu minn dipressjoni kronika f'pajjiżna huma inqas mill-medja fl-UE.

    L-istatistika, ibbażata fuq ċifri li nġabru fl-2014, juru li waqt li l-medja fl-UE hija ta' 7.1% f'Malta huma 5.4% li batew minnha.

    Waqt li 5.3% tal-irġiel u 8.8% tan-nisa fil-pajjiżi tal-UE li batew minn din il-kundizzjoni, f'pajjiżna kienu 4.2% tal-irġiel u 6.5% tan-nisa li kellhom dipressjoni kronika.

    Mistoqsi għar-reazjoni tiegħu dwar dan, Dr Cachia beda biex qalilna li l-figuri dwar kemm persuni f'Malta qed ibatu minn dipressjoni kronika huma robusti u dipendibbli.

    Dwar id-differenza bejn l-irġiel u n-nisa f'dik li hija dipressjoni kronika huwa sostan li din tinħass fil-pajjiżi kollha tal-UE u rrimarkalna li dan huwa dovut għal żewġ fatturi ewlenin bl-ewwel waħda tkun li n-nisa ġeneralment jammettu u jfittxu l-għajnuna iżjed milli jagħmlu l-irġiel.

    It-tieni raġuni hija minħabba ċ-ċikli ormonali li jaffettwaw parti sostanzjali minn ħajjithom u magħha hemm marbuta r-riskji għola tad-dipressjoni fit-tqala u t-twelid.

    “Ma' dawn jiżdied l-istress tat-trobbija tat-tfal u dak marbut mad-dinja tax-xogħol”, irrimarka Dr Cachia.

    Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali nnota wkoll li l-figuri fil-pajjiżi li jinsabu fin-naħa t'isfel tal-Ewropa huma ġeneralment aktar baxxi mill-medja Ewropea waqt li fil-pajjiżi Nordiċi l-figuri huma ferm aktar għoljin mill-medja.

    “Hemm żewġ spjegazzjonijiet: l-effett tal-klima partikolarment siegħat twal ta' dawl matul il-jum u inqas kesħa fil-pajjiżi tal-Ewropa t'isfel u aktar kuxjenza u allura aktar nies li jfittxu u jsibu kura fil-pajjiżi Nordiċi”.

    L-istatistika tal-Eurostat turi wkoll li l-ogħla rata ta' dipressjoni kronika kienet tinsab fl-Irlanda bi 12.1% segwita mill-Portugall bi 11.9% u l-Ġermanja b'10.6%.

    Fl-irġiel l-ogħla rata kienet fl-Irlanda b'10.8% mentri fin-nisa l-iktar rata għolja ġiet reġistrat fil-Portugall bi 17.2%.

    Fuq in-naħa opposta, ir-Rumanija kellha l-inqas rata ta' persuni li jbatu bid-dipressjoni kronika b'1.5%.

    Il-pajjiż bl-inqas irġiel li jbatu minn din il-kundizzjoni r-Rumeni b'1% mentri n-nisa Rumeni wkoll kienu l-inqas li batew minnha għalkemm ir-rata tirdoppja għal 2%.