Għadd ta' persuni jitilfu ħajjithom kawża ta' għargħar fil-Mallorca

    Minn tal-inqas sitt peresuni tilfu ħaj­jithom, waqt li hemm disgħa oħra li għadhom irrapportati nieqsa, f’għargħar li ħakem lill-gżira Spanjola ta’ Mallorca.

    Mewġa kbira ta’ ilma bit-tajn niżlet fuq il-belt ta’ Sant Llorenç des Cardassar fil-Lvant ta’ din il-ġżira. Dan seħħ wara li faret ix-xmara kawża tax-xita qalila li għamlet.  Kawża ta’ dan l-ammont kbir ta’ ilma għadd ta’ karozzi spiċċaw imkaxkra mat-toroq. 

    Immedjatament fuq il-post marru madwar 100 ħaddiem tas-salvataġġ flimkien ma’ għadd ta’ klieb biex  jgħinu fit-tfittxijiet. Apparti hekk, intbagħtu tliet ħelikoperts kif ukoll ajruplan tat-tip Hercules.

    Fost dawk mejta f’Sant Llorenç des Cardassar hemm koppja Ingliża li tilfu ħajjit­hom hekk kif it-taxi li kienu fiha nġarret mill-ilmijiet. Ix-xufier ta’ din it-taxi għadu ma nstabx. 

    Din iż-żona ntlaqtet minn aktar minn tmien pulzieri ta’ xita f’ħin qasir ħafna. Ix-xita bdiet nieżla matul il-ġurnata tat-Tlieta. Kawża tad-diżastru li nħoloq, iċ-ċentru sportiv ta’ Miguel Angel Nadal ġie mibdul f’xelter apposta biex dawk ir-residenti mil­quta jkunu jistgħu jistkennu hemm. 

    Matul il-ġurnata tal-bieraħ, l-awtoritajiet lokali sejħu laqgħa urġenti biex jiġi kkordinat l-isforz ta’ salvataġġ.

    Min-naħa tiegħu l-Prim Ministru Spanjol Pedo Sanchez permezz ta’ twitter wera s-sogħba tiegħu għal dak li ġara. Sanchez żar iż-żona milquta lbieraħ. 

    Dan id-diżastru naturali fakkar lil bosta f’dak li kien ġara f’Diċembru tal-2016 meta maltempata kbira kienet laqtet lin-Nofsinhar ta’ Spanja u ħalliet għadd ta’ persuni mejtin.