Eden Hazard irid jingħaqad ma’ Real Madrid

    Il-winger ta’ Chelsea, Eden Hazard, għadu jit­tama li xi darba jkun jista’ jirrealizza l-ħolma tiegħu li jilgħab ma’ Real Madrid.

    Il-kuntratt tal-Belġjan fi Stamford Bridge jintemmlu f’Ġunju 2020 u l-Blues iridu jġedduhulu għalkemm Ha­zard qal li jixtieq jingħaqad mal-ġganti Spanjoli.

    “Real Madrid huma l-aqwa club fid-dinja,” Ha-zard ġie kkwotat li qal minn ESPN. “Ma rridx nigdeb, din hija l-ħolma tiegħi mindu kont għadni tifel.

    “Ma rridx nitkellem fuq dan kuljum. M’għandix il-ħin, iżda mhux se ndumu ma nitkellmu fuq il-futur tiegħi.

    “Fi ħsibijieti, kultant fil-għodu nqum u naħseb li rrid nitlaq. Kultant naħseb li rrid nibqa’. Hija deċiżjoni diffiċli. Hija l-futur tiegħi. Illum għandi 27 sena u f’Jannar se nagħlaq 28.

    “Hija wkoll meta jkollok ħolma u tridha li sseħħ. Hija qisha bħal ma għidt għal ħafna drabi, jekk nitlaq inkun kuntent, u naf li jekk nibqa’ se nkun kuntent ukoll.’

    F’Lulju, Hazard qal li jrid jitlaq mill-punent ta’ Londra, iżda spiċċa billi baqa’ hemm. Dan l-istaġun huwa l-aqwa skorer tal-Premier League b’seba’ goals.

    Nhar il-Ħadd Chelsea għelbu lil Southampton 3-0 fil-Premier League u wara tmien logħbiet jinsabu livell b’20 punt kull wieħed mal-leaders Manchester City u Liverpool.