Herrera: “ħawwilna bil-wisq iktar siġar milli nqalgħu”

    Il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima Jose Herrera iddikjara fil-Parlament li taħt dan il-Gvern “bil-wisq iżjed ħawwilna siġar milli tneħħew”.

    Waqt li kien qed iwieġeb għal sensiela ta' mistoqsijiet parlamentari li jikkonċernaw l-ambjent, Herrera kien mistoqsi fost oħrajn dwar il-wegħda tal-Gvern li jħawwel siġra għal kull tarbija li titwieled.

    Kien hawn li huwa tkellem b'mod ġenerali dwar it-tħawwil tas-siġar fejn qal li s-siġar qed jiżdiedu mhux jonqsu.

    Herrera iddikjara li kull meta jsir xogħol f'xi triq qed ikunu infurmati minn qabel jekk ikun hemm bżonn li jsir xi ċaqliq ta' siġar ħalli jaraw meta għandhom jinqalgħu u meta għandhom jitħawwlu oħrajn flokhom.

    Huwa nsista li jkun hemm min jaħseb li għax tinqala' siġra u ma tiġix imħawwla oħra mill-ewwel dan ikun ifisser li mhux se jitħawwlu meta fil-verita irid jiġi stabbilit liema huwa l-aħjar żmien għax inkella jistgħu jitħawwlu siġar barra minn żmienhom u allura jinxfu u jmutu.

    Herrera saħaq ukoll li din is-sena jixtieq li jagħti prijorita lit-tħawwil tas-siġar f'zoni urbani fejn qal li se jkomplu jitneħħew siġar aljeni biex flokhom jitħawwlu dawk lokali.

    Dwar il-wegħda ta' siġra għal kull wild huwa spjega kif f'Kennedy Grove ġiet identifikata medda ta' 20 tomna art li bħalissa tinsab degradata biex fiha jinżergħu s-siġar.

    Herrera semma kif diġa saret l-applikazzjoni quddiem l-Awtorita għall-Ambjent u r-Riżorsi u qed jittama li fix-xhur li ġejjin il-post jinbidel f'masġar.

    Sadanittant, dwar il-borża organika li mistennija tidħol fis-seħħ daqt, il-ministru responsabbli mill-ambjent irrikonoxxa li l-poplu mhux għal kollox ippreparat għaliha u li se jkun hemm 'teething trouble' madankollu saħaq li din hija inizjattiva “bold”.

    Huwa qal li l-pieni għal min jonqos se jkunu moderati u l-Gvern m'għandu l-ebda ħsieb li jsawwat bil-frosta imma li jgħallem kif fil-fatt beda jagħmel bil-kampanja biex jinforma lill-poplu dwar kif se jsir il-ġbir u x'għandu jinġabar fil-borża organika.