Avukat immultat €500 talli ma ħallasx impjegat

    Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech immultat avukat €500 wara li sabitu ħati li bħala direttur ta' kumpanija naqas li jħallas il-paga lil impjegat.

    L-Avukat Siegfried Borg Cole kien mixli li fil-kapaċita tiegħu bħala direttur, rappreżentant legali jew segretarju tal-kumpanija “Global Settlements” naqas li jħallas il-pagi, bonuses u allowances għall-perjodu 2 ta' Frar 2015 u s-27 ta' Novembru 2015 lil Jani Harshandrai Narbeshanker.

    Narbeshanker, li għandu ċittadinanza Brittanika, kien jokkupa l-kariga ta' Direttur tal-Iżvilupp tan-Negozju mal-kumpanija u kellu paga ta' £84,000 fis-sena jiġifieri £7,000 fix-xahar.

    Huwa baqa' jirċievi l-paga regolarment sa Lulju 2015 imbagħad sa Novembru tal-istess sena, meta kellu l-kuntratt mitmum, irċeviha ftit ftit u fetaħ il-kawża biex jingħata dak li kien dovut lilu.

    Il-Maġistrat Frendo Dimech semgħex x'kellhom xi jgħidu ż-żewġ naħat u waqt li iddeskriviet il-verżjoni ta' Narbeshanker bħala waħda ikkorraborta b'għadda kbir ta' provi qalet li dik tal-akkużat kienet waħda konfuża u mifnija b'kontradizzjonijiet.

    Hija kellha kliem iebes fil-konfront tal-imsemmi avukat u waqt li immultatu €500 ordnatlu jagħti lil Narbeshanker €30,919 fi ħlas dovut.

    Il-prosekuzzjoni fil-konfront tal-Avukat Borg Cole tmexxiet mill-Ispettur Sylvana Zrinzo Azzopardi.