35 tifel u tifla taħt l-iskrutinju tal-awtoritajiet biex jaraw jekk għandhomx jiġu fostered jew le … Mal-500 każ ta’ tfal li jinsabu taħt kura alternattiva

    Bħalissa hemm 35 tifel u tifla li minkejja li jgħixu mal-familja bijoloġika tagħhom, jinsabu taħt l-iskrutinju tal-awtoritajiet biex jaraw jekk għandhomx jiġu fostered jew le. Qal dan Alfred Grixti, il-Kap Eżekuttiv għall-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), li rrimarka wkoll kif in-numru ta’ tfal fostered minn tmien każi telgħu għal 23 każ, jiġifieri kważi t-triplu meta mqabbel mal-perjodu ta’ April u Lulju tas-sena li għaddiet.

    Grixti rrefera wkoll għall-kampaja li saret matul is-sena li għaddiet biex aktar nies ikunu foster carers, u saħaq li din il-kampanja kienet storja ta’ suċċess li trid issir aktar ħidma fuqha. Qal li filwaqt li bejn April u Lulju tas-sena li għaddiet in-numru ta’ koppji jew familji approvati għal foster caring kien ta’ ħamsa, matul l-istess perjodu din is-sena ġew approvati 16-il koppja jew familja oħrajn.

    Huwa tenna wkoll li bħalissa hemm madwar 500 każ ta’ tifel u tifel li jinsabu taħt kura alternattiva.

    B’paragun mal-istess perjodu s-sena li għaddiet, huwa qal li żdied konsiderevolment ukoll l-interess minn koppji jew familji biex isiru foster carers fejn minn 7 każi ta’ turija ta’ interess, dan tela’ għal 24.