ARA: Il-GWU tappella biex il-ħaddiema jkollhom aċċess għall-għarfien u kura dwar is-saħħa mentali

    Il-General Workers’ Union temmen li l-ħaddiema għandhom ikollhom aċċess akbar għall-għarfien u kura dwar is-saħħa mentali. Fl-isfond ta’ dan il-GWU diġà qed tieħu l-passi meħtieġa hekk kif fil-jiem li għaddew waqt il-Kungress Nazzjonali Straordinarju adotat politika ġdida dwar is-Saħħa Mentali fuq il-post tax-xogħol, bil-għan li mhux biss toffri post tax-xogħol li jkun konxju mill-ħtiġiet dwar is-saħħa mentali, iżda sservi wkoll ta’ mudell għall-imprendituri oħra biex anke huma jirrikonoxxu din ir-realtà fuq il-postijiet tax-xogħol tagħhom u jieħdu l-miżuri ta’ prevenzjoni meħtieġa. 

    Il-Union issostni li iktar ma l-ekonomija globalizzata qed iżżid il-pressjoni biex jintlaħqu miri ta’ produzzjoni u kisbiet finanzjarji, aktar il-ħaddiema se jkunu suxxettibbli għal sitwazzjonijet li jistgħu jwasslu għal stress żejjed ikkaġunat minn bidliet fl-ambjenti tax-xogħol u tal-familji tagħhom. 

    Għaldaqstant filwaqt li l-GWU tingħaqad mall-moviment trejdunjonista Ewropew biex tappella għal aktar kuxjenza dwar dan il-qasam, is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja jistqarr li l-adozzjoni mill-GWU tal-Politika tas-Saħħa Mentali fuq il-Post tax-Xogħol u l-adozzjoni tagħha minn ‘stakeholders’ oħra lokali għandha tgħin biex ikunu identifikati l-problemi li qed iwasslu għal din is-sitwazzjoni. Saħaq li kien pass importanti ħafna li l-imsieħba soċjali f’Malta iffirmaw dikjarazzjoni konġunta biex jieħdu azzjoni għal ħarsien tas-saħħa mentali tal-ħaddiema u li jiġġieldu l-istigma li din iġġib magħha. 

    Hu stmat li 20% tal-ħaddiema xi darba jew oħra se jkunu batew minn problemi ta’ saħħa mentali kawżati minn xogħol li ma jkunx addattat għalihom jew minn kwantità eċċessiva ta’ xogħol li jkunu mitluba jagħmlu. Dawn il-fatti joħolqu l-istress li min-naħa l-oħra jaffettwa lill-ħaddiema fil-kwalità tax-xogħol u fil-produttività, fl-ammont ta’ leave għall-mard li jittieħed, assentejiżmu bla raġuni, inċidenti u anke bdil kontinwu ta’ impjieg. Il-problemi ta’ saħħa mentali kawża tax-xogħol huma aktar komuni milli wieħed jaħseb u għalhekk jinħtieġ aktar impenn biex tali problemi jkunu ffaċjati.