It-trade unions “iridu jwieġbu l-mistoqsijiet soċjo-ekonomiċi tal-lum”

    F’intervista il-President tal-Konfederazzjoni tal-Unjoni Ewropeja għat-Trade Unions (ETUC), Rudy de Leeuw, jisħaq fuq il-bżonn li l-Unjoni Ewropeja terġa tħares lejn il-valuri soċjali tal-UE “biex inkomplu niġġieldu l-ostakli soċjo-ekonomiċi tal-ġurnata tal-lum”

    Fl-opinjoni tiegħek, it-trejd unjoniżmu għadu importanti u relevanti fis-soċjetà moderna tal-lum? Għadhom b’saħħithom biżżejjed li jistgħu jwasslu għal iktar progress u tibdil soċjali madwarna?

    Mingħajr dubju. Anzi, nemmen li x-xogħol tat-trade unions illum huwa iktar attwali minn qatt qabel. Waħda mir-raġunijiet għalfejn huwa l-fatt li bħalissa, hemm ħafna ħaddiema li sabu lilhom nfushom f’xogħol prekarjat.

    Hemm problemi wkoll fid-demokraziji tagħna, speċjalment l-introduzzjoni ta’ element estrem li kapaċi jxejjen id-drittijiet tal-ħaddiema. Hemm bżonn iktar minn qatt qabel, li l-ħaddiema tagħna jingħaqdu flimkien, u jissieltu għal iktar xogħolijiet ta’ kwalita, għal tkabbir ekonomiku iktar sostenibbli, u li nwieġbu l-mistoqsijiet soċjo-ekonomiċi li qegħdin naffaċjaw llum. U biex isir dan, il-unions bħala rappreżentanti tal-ħaddiema, huma fundamentali, għaliex hija l-iktar organu kapaċi biex tiddefendi, torganizza u tgħaqqad.

    Dawn l-ostakli il-ġodda li qegħdin naffaċċjaw (it-teknoloġija, l-awtomazzjoni), li jistgħu jitqiesu bħala theddida għax-xogħolijiet u l-karrieri tal-futur, x’effett jistgħu jħallu fuq il-ħaddiema tal-lum u tal-futur? U x’jista jsir biex nindirizzawhom b’mod adekwat?

    Dawn il-mistoqsijiet kollha jduru mal-iktar punt kruċjali: It-tqassim ekwu tal-ġid. Jiena nifhem ir-rabja u l-biża li hemm fost il-ħaddiema lejn din it-teknoloġija l-ġdida li qegħdin naffaċċjaw, kif ukoll lejn l-ostakli li għadna quddiemna (fosthom it-tibdil fil-klima), però, dawn għandna jitqiesu bħala opportunita, u mhix bħala theddida. Dawn is-setturi l-ġodda li qegħdin jiżviluppaw għandhom jinħalqu  b’tali mod li nassiguraw numru ikbar ta’ xogħolijiet ta’ kwalita, li joffru kundizzjonijiet tajba lill-ħaddiema.

    Dak li ma nistax naqbel miegħu huwa li jkollna t-teknoloġija tas-seklu wieħed u għoxrin, mal-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-seklu dsatax. Fl-opinjoni tiegħi, din hija l-aħjar analoġija li nista nuża biex nispjega l-ostakli li qegħdin naffaċċjaw llum: it-teknoloġija suppost qegħda tgħinna fix-xogħol tagħna

    Fil-bidu tal-Organizazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), kellna numru ta’ trattati u regolamenti, fosthom li ġurnata xogħol ikollha massimu ta’ tmien siegħat, u li ġimgħa jkollha massimu t’erbgħin siegħa... illum il-ġurnata, għad m’għandniex il-kontrolli neċessarji fuq il-ħin tax-xogħol tagħna. Id-dritt tal-ħin u tal-ħajja privata tagħna qiegħed jiġi mhedded minħabba l-introduzzjoni ta’ dawn it-teknoloġiji ġodda. Jekk qegħdin hemmhekk biex joħolqu sitwazzjonijiet simili għal dawk li kellna fis-sekli ta’ qabel, x’element ta’ progress fihom dawn it-teknoloġiji?

    Fl-istess ħin, ma nistgħux nkunu biss fuq id-difiża f’dawn l-affarijiet. Irridu nkunu wkoll ottimisti, rridu ikun hemm ukoll investiment pubbliku f’xogħolijiet ġodda ta’ kwalità tajba biex niġġieldu l-problemi tal-lum, u huwa b’hekk li irridu nagħtu lura lill-ħaddiema t-tama. Dawn huma l-valuri bażiċi tal-Unjoni Ewropeja: Li nagħtu lura d-drittijiet tal-ħaddiema, u li nkomplu niġġieldu fuq il-paċi u l-produttivita. Irridu mmorru lura għall-oriġini u l-valuri tal-Ewropa, li huma s-solidarjetà, l-ugwaljanza, u l-progress soċjali.

    La semmejt il-ġlieda għall-kundizzjonijiet tax-xogħol, ta’ min isemmi n-niċeċ ekonomiċi ġodda, fosthom il-platform economy u l-gig economy, li qegħdin joffru ostakli ġodda għal impjiegi ta’ kwalita. Dan is-settur fil-preżent għadu jitqies bħala “Wild Wild West”, u li mhemmx regolamenti suffiċjenti (jekk hemm). Kif it-trade unions għandhom jissieltu kontra sfidi ġodda bħal dawn? 

    Li hemm bżonn isir huwa li kull min jaħdem bħala kuntrattur indipendenti, jew bħala freelancer, għandu jibbenefika minn drittijiet suffiċjenti li huma jistgħu jkunu jgħixu ħajja diċenti, u jtejbu l-kwalita ta’ ħajja tagħhom. 

    Huwa importanti li nisħaq li f’niċeċ ekonomiċi bħal dawn, il-kuntratt bażiku li hemm bejn l-impjegat u min jimpjega għadu hemm. Dan l-element ta’ indipendenza falsa m’għandux jgħatti l-lok għall-abbuż, għaliex huma wkoll ħaddiema fl-aħħar mill-aħħar.

    Ħares lejn kumpaniji bħal Uber u Lyft per eżempju. Il-pjattaforma mhix biss intervent: biex wieħed jissieħeb bħala “kuntrattur” f’dawn il-kumpaniji, irid jissieħeb f’kuntratt b’numru ta’ kundizzjonijiet fuq ix-xogħol tiegħu, li jfisser kif hemm relazzjoni industrijali bejn il-ħaddiema u l-kumpanija. 

    Aħna nirrifjutaw li nqisu lil dawk li qiegħdin f’impjiegi bħal dawn, li għandhom kundizzjonijiet simili għal dawk tal-prekarjat, bħala xejn inqas minn ħaddiema normali, li għandhom il-ħtieġa tad-drittijiet bħal ħaddieħor. Filwaqt li rridu nirrikonoxxu l-qafas soċjo-ekonomiku li ninsabu fih preżenti, irridu ngħaqdu u norganizzaw lil dawn in-nies b’tali mod li niksbu l-istess drittijiet bħal ħaddieħor. Ħaddiem wieħed waħdu sejjer isibha diffiċli biex jiġġieled ma’ kumpanija multi-nazzjonali: Però flimkien, jistgħu verament jiksbu it-tibdil neċessarju.

    Ovvjament, indirizzajt il-Kungress Straodinarju tal-General Workers’ Union, hija u tfakkar il-75 sena. Fl-opinjoni tiegħek, x’inhija r-relazzjoni bejn il-General Workers’ Union u l-ETUC?

    Il-GWU minn dejjem kienet membru bi spirtu Ewropew u attiv fl-isfond internazzjonali. Anke waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill Ewropew, flimkien mal-Gvern Malti, wettaqna xogħol siewi ħafna. Mal-Gvern Malti, il-Prim Ministru Joseph Muscat, u l-ħabib tiegħi s-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja, wasalna għal tibdil u titjib kbir.

    L-ostakli Maltin, bħalma huma l-immigrazzjoni, huma magħrufa. Flimkien ma’ Malta, hemm l-Italja, Spanja u l-Greċja, u għalhekk hemm bżonn iktar solidarjetà Ewropeja. 

    Fl-istess ħin, kif tennew fuqha il-Prim Ministru u s-Segretarju Ġenerali, s-solidarjetà u x-xogħol li qiegħed isir minn dan il-pajjiż biex jintegra lin-nies minn sfondi u nazzjonalitajiet differenti, biex ntuhom xogħol siewi u ta’ valur u ta’ kwalita, biex nevitaw dak li aħna bħala ETUC nsejħulu social dumping, meta min iħaddem juża ħaddiema barranin mhix b’neċessità, iżda biex ikun jista joffri pagi inqas minn dawk li kieku joffri lil persuni ġewwa l-pajjiż tiegħu stess. Din mhix argument biss fuq solidarjetà: Huwa wkoll prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropeja. Huwa wkoll prinċipju importanti għall-Prim Ministru ta’ dan il-pajjiż, u dan jassigurani ħafna.

    Il-GWU hija ħabiba kbira u importanti għall-ETUC: Il-GWU hija sieħba mal-Unjoni Ewropeja, u l-Unjoni Ewropeja għandha wkoll tkun ħabiba tal-GWU.

    Fid-diskors tiegħek waqt il-Kungress tal-GWU, inti tennejt “M’hemmx impjiegi fuq dinja mejta”, b’reazzjoni għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u l-ħarsien għall-ambjent. X’ridt tgħid biha?

    Fil-ġurnata tal-lum, bl-isfidi għall-ambjentali li qegħdin naffaċċjaw, qiegħed ikun iktar fundamentali għall-GWU li tħares lejn impjiegi iktar importanti għas-settur tal-ambjent, u nqisuh dan is-settur bħala opportunita. 

    Per eżempju, fis-settur tal-enerġija rinnovabbli, nistgħu naħdmu flimkien ma’ numru ta’ pajjiżi differenti, biex b’hekk aħna ninvestu f’iktar impjiegi fis-settur tal-enerġija rinnovabbli u sostenibbli. Għaliex irridu nħarsu l-quddiem? Għandna ostaklu quddiemna, u rridu nħarsu lejn l-isfidi ġodda, però fl-istess waqt irridu nassiguraw u nserrħu lill-ħaddiema, anke b’investiment pubbliku, biex lil dawn il-ħaddiema nkomplu nħarrġuhom biex ikun hemm transizzjoni, u jkollhom impjieg ta’ kwalita.

    Min għandu xogħol, aħna sejrin inkomplu niddefenduh, sejrin nkomplu nkunu ta’ sostenn u spalla ma’ spalla magħhom. Imma l-ewwel ħaġa li nagħmlu, qabel dan kollu, huwa li nassiguraw l-investiment pubbliku jsir fl-enerġija rinnovabbli, li niġġieldu t-tibdil tal-klima, u li nagħtu tama liż-żgħażagħ fuq il-futur tagħhom, li bħalissa huma rrabajati u mbeżżgħa minħabba l-futur tagħhom, li mhux imċajpar. Però ma nistgħux nistennew dak li l-futur għalina, iżda rridu nkunu protagonisti biex il-futur, noħolquh aħna.

    Fuq il-futur tat-trade unions: Temmen li huwa pożittiv? X’ostakli taħseb li dawn sejrin jaffaċjaw fis-snin li ġejjin?

    Li nista ngħid b’mod konkret huwa li jekk wieħed iħares lejn il-figuri annwali tal-ETUC, aħna xorta r-rappreżentati ta’ iktar minn 45 miljun ħaddiem. Ma jfissirx li waqafna: irridu nkomplu nisħqu biex dawk l-irġiel,  in-nisa u ż-żgħażagħ kollha li bħalissa jinsabu fil-prekarjat, naħdmu u nissieltu flimkien, biex b’hekk nistgħu noħolqu l-futur tagħna abbażi tal-prinċipji fondamentali tagħna.

    L-ostakli li għandna quddiemna huma numerużi: Fost l-oħrajn, hemm l-paga minima. Kif għamlu Malta, nemmnu li din, kif ukoll il-pagi kollha fl-Ewropa, għandhom jikkonverġu l-fuq biex ilaħħqu mal-ispejjeż u mal-kwalita tal-ħajja tal-lum il-ġurnata. L-impjieg huwa biss tal-kwalita jekk itik il-paga neċessarja biex tgħix ħajja ta’ kwalita, li tagħtik s-serħan il-moħħ lil kull ħaddiem u lill-familja tiegħu.

    U fuq l-idea tal-General Workers’ Union, li kull impjegat għandu jkun msieħeb fi trade union tal-għażla tiegħu, x’inhuma l-kummenti tiegħek? Taħseb li proposta bħal din tista’ tiġi implimentata wkoll fil-bqija tal-pajjiżi Ewropej?

    Meta persuna jissieħeb ġo trade union, huwa sejjer jista’ jaħdem ma’ ħaddieħor fi ħdan l-istess post tax-xogħol, biex ikun hemm ftehim għal kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar. Dan ma jsirx biss għall-membri tal-Union: kull ħaddiem jista’ jibbenefika mix-xogħol siewi li jsir minn Union, kemm f’post tax-xogħol wieħed kif ukoll fis-settur.

    Nemmnu li jekk din il-proposta verament tiddaħħal fuq xenarju Ewropew, inkunu verament nerġgħu nittrasformaw lill-Unjoni Ewropeja f’waħda iktar soċjali, kif fil-fatt kienet l-ispirazzjoni tal-fundaturi tagħha daqstant żmien ilu.