Tfajliet U19: Riżultat prestiġjuż għal Malta kontra l-Kroazja

    It-team nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena temm l-impenji tiegħu fil-logħob ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonat Ewropew tal-UEFA ta’ taħt id-19-il sena tan-nisa b’mod pożittiv meta kisbu draw ta’ 0-0 kontra t-team ospitu tal-Kroazja. Min-naħa l-oħra l-Ingilterra aċċertaw posthom mill-kmand ta’ dan il-grupp meta għelbu lis-Slovakkja bl-iskor ta’ 4-0 u għalhekk spiċċaw b’punti massimi minn tliet logħbiet.

    It-team immexxi mill-coach Frank Schembri rnexxielu jikseb punt minn dawn il-logħob ta’ kwalifikazzjoni sabiex għamel bħalma għamlu timijiet nazzjonali oħra fl-2014 u fl-2015.

    Wara li tilfu l-ewwel żewġ konfronti tagħhom kontra l-Ingilterra u s-Slovakkja, kemm Malta kif ukoll il-Kroazja kienu ħerqana sabiex jieħdu xi ħaġa minn din il-partita.

    L-istatistika tal-logħba kienet turi li ż-żewġ naħat ħolqu diversi okkażjonijiet ta’ skor f’partita ferm sabiħa bir-riżultat li seta’ mar fuq kull naħa. 

    Il-coach Schembri għamel xi bidliet fil-formazzjoni inizjali għalkemm kien sfortunat li tilef lill-captain Nicole Sciberras minħabba injury, b’Maia Debono teħdilha postha.

    Malta kellha żewġ opportunitajiet tad-deheb fl-ewwel taqsima iżda t-tentattivi ta’ Maria Farrugia u Samantha Zarb ma kellhomx l-effett mixtieq.

    Fit-tieni taqsima, il-Kroati kellhom aktar mill-ballun bid-difiża Maltija ddefendiet bi qlubija biex ħarġet b’punt me-ritat minn din il-partita. 

    Malta: Jodie Attard, Valentina Rapa, Leanne Cefai, Celeste Grech, Jana Barbara, Kayleigh Chetcuti (Demi Magrin 62), Maria Farrugia, Samantha Zarb, Sarah Urpani (Cherise Zammit 81), Nicole Sciberras (Maia Debono 26), Rohanne Zahra (Chloe Ann Ellul 81).

    Kroazja: Nensi Adamovic, Janja Canjevac, Ana Pavicic, Laura Kopic (Iva Jakovac 92), Marija Klaric (Iva Tomkic 21), Karla Kurkutovic, Helena Spajic, Fatjesa Gegollaj, Martina Taritas, Martina Leokovic, Veronika Terzic (Isabella Lucija Van As 62).

     Referee: Galiya Echeva (Bulgarija)