Erġa għix fis-seklu 15, mal-Compagnia San Michele

    Il-grupp volontarju Compagnia San Michele - Malta, huwa grupp Malti imwaqqaf bil-għan sabiex jorganizza wirjiet edukattivi u kemm jista jkun storikament korretti, waqt li jiffoka li jippreżenta lill-pubbliku l-era lejn l-aħħar tal-medju-evu u l-bidu tal-perjodu modern Malti.

    Dan kollu ikun preżentat bl-aqwa metodu u bl-aktar mod realistiku għal dak iż-żmien, saret riċerka twila u intensiva b’interpretazzjoni ta’ sorsi sekondarji u saħansitra anke primarji, meta dan kien possibbli.

    B’kollaborazzjoni mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Compagnia San Michele ser tkun qed ittella’ tlett rappreżentazzjonijiet lill-pubbliku, b’kull waħda tkun reptuta darbtejn ġewwa l-Imdina, il-Birgu u l-Belt Valletta.  

    Kull vjaġġ li l-pubbliku se jkun qed jattendi, ser jingħata spjegazzjoni storika tal-post, f’era partikolari mill-passat. L-ewwel vjaġġ se jkun qed jieħu lill-pubbliku fis-seklu 15 ġewwa l-Imdina, it-Tieni vjaġġ ġewwa l-Birgu fl-epoka tal-Assedju l-Kbir (1565) u l-aħħar vjaġġ ikun ġewwa l-Belt Valletta, fil-perjodu li din kienet għadha qed tinbena.

    Il-kunċett waqt kull vjaġġ huwa li l-gwida jservi bħala interpratur waqt li l-istejjer tal-ħajja ta’ kuljum ta’ dawk li kienu l-antenati tagħna se jkunu rappreżentati minn karattri membri tal-istess grupp…is-sinjuri, il-fqar, il-ġellieda, it-tallaba, il-lagħba u oħrajn. Matul il-vjaġġ, il-pubbliku mhux se tkun biss qed jara, iżda l-ħajja tal-imgħoddi ser terġa tingħata l-ħajja mill-ġdid b'kostumi u aċċessorji maħduma b'reqqa liema bħala.

    Compagnia San Michele tħeġġeġ lill-pubbliku sabiex jattendi għal dawn il-vjaġġi li se jkunu mingħajr ħlas. L-ewwel vjaġġ se jkun nhar il-Ħadd li ġej fl-Imdina ġewwa Pjazza San Publju fl-10am. Vjaġġi oħra se jkunu qed jittellgħu matul ix-xhur li ġejjin.

    Aktar informazzjoni dawr dan il-grupp tista tinkiseb mill-paġna ta’ facebook - Compagnia San Michele - Malta