Tallega li Cristiano Ronaldo kien stupraha fl-2009... Ronaldo jiċħad l-allegazzjonijiet

    Cristiano Ronaldo ċaħad l-akkużi li għamlet mara mill-Istati Uniti wara li din allegat li hu kien stupraha fis-sena 2009.

    Ronaldo wieġeb permezz ta’ filmat fuq Instagram u qal li għalih hija xi ħaġa normali li dawn it-tip ta’ persuni jippruvaw jużaw biex jippromwovu lilhom infushom billi japprofittaw mill-fama tiegħu.

    L-avukati tal-plejer qalu li se jkunu qegħdin ifittxu lir-rivista Ġermaniża ‘Der Spiegel’ wara li din irrapurtat dawn l-allegazzjonijiet. Skont ma kien ippubblikat fl-istess rivista, Kathryn Mayorga sostniet li Ronaldo kien stupraha f’kamra ta’ lukanda f’Las Vegas.

    Skont ma kien irrapurtat ukoll jidher li l-mara għamlet rapport mal-pulizija ta’ Las Vegas ftit wara l-allegat inċident u li fl-2010 kien hemm qbil bejniethom li l-plejer iħallasha s-somma ta’ madwar €320,000 bil-patt li dawn l-allegazzjonijiet qatt ma jinħarġu fil-pubbliku.

    L-avukat ta’ Ronaldo, Christian Scehertz qal li huwa kien mitlub mill-klijent tiegħu biex jitlob għal kumpens minħabba “danni morali” u għal dak li Ronaldo rrefera għalih bħala “wieħed mill-aktar każijiet serji ta’ ksur tad-drittijiet personali f’dawn l-aħħar snin”.