2,307 każ ġdid ta’ kanċer din is-sena … 935 persuna jmutu minħabba din il-marda

    Skont studju li sar mill-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer (IARC) jirriżulta li matul din is-sena kien hemm 2,307 każ ġdid ta’ kanċer f’pajjiżna. L-iktar kanċer komuni kien dak tas-sider fost in-nisa u dak tal-prostata fost l-irġiel.

    L-istudju juri li l-aktar kanċer komuni fost in-nisa kien dak tas-sider (355 każ ġdid) segwit mill-kanċer fil-musrana (122), il-kanċer fl-utru (82), kanċer fil-pulmun (57) u Non-Hodgkin lymphoma (46) fost l-oħrajn.

    Mill-banda l-oħra, l-aktar kanċer komuni fost l-irġiel kien dak tal-prostata (293 każ ġdid), segwit minn dak fil-musrana (180), fil-pulmun (143), tal-marrara (106) u fil-kliewi (45).

    L-istudju juri wkoll li kien hemm 935 persuni li mietu minħabba din il-marda, b’547 minnhom ikunu rġiel. Apparti hekk, jingħad ukoll li l-persentaġġ tar-riskju ta’ mewt minħabba l-kanċer qabel l-età ta’ 75 sena hija dik ta’ 11.11% fost l-irġiel u 6.89% fost in-nisa. 

    Sadanittant, l-istess studju jsemmi kif il-piż globali tal-kanċer huwa stmat li tela’ għal 181 miljun każ ġdid u 9.6 miljun mewt fl-2018. 

    Wieħed minn kull ħamest irġiel u wieħed minn kull sitt nisa madwar id-dinja jiżviluppalhom il-kanċer tul ħajjithom waqt li wieħed minn kull tmien irġiel u wieħed minn kull 11-il mara jmutu minħabba din il-marda. 

    Madwar id-dinja wkoll in-numru totali ta’ nies li jibqgħu ħajjin fi żmien ħames snin mid-dijanjosi tal-kanċer, imsejħa l-“5 year prevalence”, huwa stmat li hu dak ta’ 43.8 miljun.

    Il-piż dejjem jiżdied tal-kanċer huwa dovut għal diversi fatturi fosthom popolazzjoni ixjeħ kif ukoll il-prevalenza li qed tinbidel ta’ ċerti kawżi tal-kanċer marbuta mal-iżvilupp soċjali u ekonomiku.