Il-Parlament Ewropew japprova mozzjoni ta' ċensura fil-konfront tal-Ungerija

    Il-Parlament Ewropew illum għadda mozzjoni fejn iddikjara li l-Ungerija tinsab f’riskju li tikser il-valuri Ewropej, filwaqt nieda proċeduri dixxiplinarji li jafu jaċċentwaw id-diviżjonijiet li jeżistu fil-blokk Ewropew.

    Il-mozzjoni għaddiet b’448 vot favur, 197 kontra u 48 astensjoni, biex jinbeda l-proċess tal-Artiklu 7, fir-rigward tat-tħassib dwar l-indipendenza tal-ġudikatura, korruzzjoni, il-libertà tal-espressjoni, libertà akkademika, drittijiet tal-minoranzi u immigranti, u kwistjonijiet oħrajn.

    Teoretikament Artiklu 7 jaf iwassal lil pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea biex jitlef id-dritt tal-vot fil-Kunsill tal-UE. Din il-proċedura mhux mistennija li tasal sa dak il-punt minħabba li tirrikjedi l-approvazzjoni unanima tal-istati membri kollha, u huma bosta l-Gvernijiet Ewropej li ma jqisux il-pożizzjoni demokratika tal-Ungerija bħala waħda problematika.