It-Turkija jirnexxilha taqbad lil terrorist Tork fis-Sirja

    Is-servizzi sigrieti Torok għamlu operazzjoni fis-Sirja biex jaqbdu u jieħdu lura lejn it-Turkija lis-suspettat ewlieni ta’ attakk terroristiku li kien seħħ fl-2013.

    Yusuf Nazik, ċittadin Tork akkużat li kien ippjana l-attakk bomba ta’ Reyhani f’Mejju tal-2013, kien arrestat fil-belt Sirjana ta’ Latakia, fortizza ta’ appoġġ għall-President Sirjan Bashar al-Assad, u wara tieħed lejn it-Turkija.

    Aktar minn 50 persuna kienu nqatlu fl-attakk bomba ta’ Reyhanli, li tinsab mal-fruntiera mas-Sirja.

    Dakinhar Ankara kienet tefgħet il-ħtija ta’ dan l-attakk fuq ir-reġim ta’ Assad u l-alleati tiegħu. Madankollu l-Gvern Sirjan dejjem ċaħad l-involviment tiegħu f’dan l-attakk terroristiku.

    Intant l-aġenzija tal-aħbarijiet Torka, Anadolu, ippubblikat filmat ta’ Nazik fejn fih jinstema’ jgħid li huwa kien ħati tal-attakk, liema attakk kien ordnat mir-reġim Sirjan.

    Nazik, ta’ 34 sena mill-belt Torka ta’ Antakya, qal li kien għamel kuntatt mas-servizzi sigrieti Sirjani, kien daħħal l-isplussiv fit-Turkija u kien anke rranġa biex jikseb il-vetturi użati fl-attakk terroristiku.