State of the Union: Juncker jgħid li l-Kummissjoni Ewropea se tħaffef il-proċess ta' ripatrijazzjoni ta' immigranti irregolari

    Fid-diskors annwali tiegħu ta’ “State of the Union” lill-Parlament Ewropew, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker fost oħrajn saħaq li l-Kummissjoni Ewropea se tkun qed tħaffef il-proċess ta’ ripatrijazzjoni ta’ dawk l-immigranti irregolari. Dan apparti li tkellem ukoll dwar diversi aspetti oħrajn fosthom anke s-sigurtà mal-fruntieri u t-terroriżmu, u l-ekonomija u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda.

    Ekonomija u impjiegi

    Juncker saħaq li l-Unjoni Ewropea dawret il-paġna fuq il-kriżi ekonomika u finanzjarja li bdiet bir-riċessjoni fl-istati Uniti u li kellha riperkussjonijiet anke fl-UE.

    Huwa qal li l-ekonomija tal-Unjoni Ewropea issa irreġistrat tkabbir għall-21 kwart tas-sena konsekuttiv, b’żieda f’impjiegi ġodda li jlaħħqu t-12-il miljun impjieg sa mill-2014.

    Huwa qal li fl-Ewropa qatt ma kien hemm daqstant nisa u rġiel fid-dinja tax=xogħol, bl-ammont kumplessiv ilaħħaq il-239 miljun persuna.

    Huwa żied jgħid li l-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-unjoni Ewropea huwa ta’ 14.8%. “Minkejja li din iċ-ċifra xorta hija waħda għolja, il-qgħad fost iż-żgħażagħ qatt ma kien f’livell daqstant baxx sa mill-2000.

    Terroriżmu

    Irrefera wkoll fost oħrajn għall-kwistjoni tat-terroriżmu, b’referenza partikolari għall-proposta tal-Kummissjoni li kontenut terroristiku jitneħħa minn fuq l-Internet fi żmien siegħa. Saħaq ukoll li l-Kummissjoni se tkun qed tipproponi aktar poteri lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew biex ikun jista’ jiffaċċja l-ġlieda kontra t-terroriżmu. Juncker saħaq li “jeħtieġ li l-prosekuzzjoni fil-konfront ta’ terroristi tkun aktar kordinata. It-terroristi ma jafu l-ebda fruntierea. Ma nistgħux inħallu lilna nfusna nsir kompliċi tagħhom minħabba l-inabbiltà tagħna li nikkoperaw.”

    Immigrazzjoni

    Fir-rigward tal-immigrazzjoni saħaq li l-Kummissjoni qed tipproponi tisħieħ tal-fruntiera Ewropea u tal-Gwardja tal-Kosta gal aktar sigurtàmal-fruntieri esterni, b’żieda ta’ 10,000 gwardjan tal-fruntiera Ewropea sal-2020. Qal ukoll li qed jipproponi żvilupp ulterjuri tal-Aġenzija Ewropea tal-Ażil biex ikun assigurat li l-istati membri jirċievu aktar appoġġ fil-proċess ta’ immigranti li jkunu qed ifittxu ażil.

    Tenna wkoll li se jkun qed ikun mgħaġġel il-proċess ta’ ripatrijazzjoni tal-immigranti irregolari, bil-Kummissjoni Ewropea li se tkun qed tappoġġja lill-istati membri f’dan il-proċess.

    Tkellem ukoll dwar l-Afrika, u l-ħtieġa li jissaħħu r-relazzjonijiet diplomatiċi mal-pajjiżi Afrikani.

    Vot ta’ maġġoranza f’ċerti deċiżjonijiet, anke li jikkonċernaw taxxi

    Juncker saħaq li l-Kummissjoni se tkun qed tipproponi li jibda jittieħed vot ta’ maġġoranza fir-rigward ta’ kwistjonijiet speċifiċi, fosthom dwar kwistjonijiet dwar drittijiet tal-bniedem u missjonijiet ċivili. Tenna wkoll li jeħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ wkoll tiddeċiedi fuq ċerti kwistjonijiet relatanti ma’ taxxi b’teħid ta’ vot ta’ maġġoranza.

    Attakki fuq il-midja

    Tenna li l-Kummissjoni Ewropea jeħtieġ li tagħmel ferm aktar biex tipproteġi lid-demokrazija u lill-ġurnalisti. Saħaq li huwa ta’ tħassib il-mod kif uħud qed ifittxu li joqtlu kull forma ta’ dibattitu billi jattakkaw lill-midja u lill-ġurnalisti. Emfasizza li r-rispett lejn l-istat tad-dritt u r-rispett ta’ deċiżjonijiet tal-Qorti mhumiex għażla.