Il-PM Ungeriż Orban bi kliem iebes għall-UE wara “attakk fuq il-poplu Ungeriż”

    Il-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orban ilbieraħ irrifjuta l-kritika li saret fil-konfront tal-politika ultra-nazzjonalista mħaddna minnu fil-Parlament Ewropew u akkuża lill-istess Membri tal-Parlament Ewropej li kienu qed jipprovaw jirrikattaw lilu u lill-pajjiżu wara li l-UE heddet li tissanzjona lill-Ungerija talli kisret il-valuri tal-blokk Ewropew.

    F’dibattitu jaħraq jum qabel it-teħid ta’ vot dwar l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet imposti fuq Budapest, rapport mill-Membru Parlamentari Ewropew tal-Ħodor Judith Sargentini ta dettalji dwar kif il-Gvern ta’ Orban kien effettivament għamel sarima maħ ħalq il-midja indipendenti fl-Ungerija, filwaqt li kien qed jikkontrolla lil membri tal-Oppożizzjoni.

    Ir-rapport ta’ Sargentini akkuża wkoll lill-Gvern Ungeriż li kien qed jikser ir-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-istat tad-dritt wara li bidel il-membri tal-ġudikatura indipendenti tal-pajjiż ma’ membri li għandhom relazzjoni b’saħħitha mal-Gvern immexxi minnu.

    Fir-reazzjoni tiegħu Orban saħaq li “dan ir-rapport ma jirrispettax lill-Ungerija. Taħsbu li tafu iktar x’jeħtieġu l-poplu Ungeriż aktar mill-Ungeriżi nfushom.”