Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin jappella lill-istati membri tal-UE biex isaħħu l-komunikazzjoni maċ-ċittadini fuq il-migrazzjoni

    Ġaladarba l-kontroll tal-fruntieri u l-mod kif qed tiġi mmaniġġjata l-migrazzjoni huma sors ewlieni ta’ tħassib għaċ-ċittadini Ewropej, il-mexxejja tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea għadhom jistinkaw biex jottimizzaw il-komunikazzjoni tagħhom man-nies dwar dawn il-kwistjonijiet, filwaqt li jfittxu kif jistgħu jaħdmu flimkien biex jindirizzawhom b’mod ħolistiku. Barra minn hekk, huwa essenzjali li l-UE tirrikonoxxi li d-diskussjoni dwar il-migrazzjoni għandha tkun tinkludi wkoll il-potenzjal uman pożittiv ta’ dan il-fenomenu. Dan qalu l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela waqt dibattitu organizzat bħala parti mit-13-il edizzjoni tal-konferenza annwali Bled Strategic Forum (BSF) fl-Islovenja.

    Il-BSF, li jorganizzah il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Islovenja, hija konferenza internazzjonali li tlaqqa’ flimkien grupp imżewwaq ta’ parteċipanti, inklużi kapijiet ta’ stat u ta’ gvern, ministri, diplomatiċi, nies tan-negozju, skulari u esperti, żgħażagħ, u ġurnalisti minn madwar id-dinja. Il-forum jilqa’ diskussjonjiet bejn il-parteċipanti dwar sfidi reġjonali u globali, u jħeġġeġ għat-tfittxija għal soluzzjonijiet lil hinn mill-iskemi stabbiliti. Il-konferenza ta’ din is-sena kellha t-tema ‘Bridging the Divide’, u saret fl-10 u fil-11 ta’ Settembr 2018.

    Id-dibattitu li fih ħa sehem il-Ministru Abela kellu t-tema ‘The European Union: What keeps us united’. Huwa fakkar kif fil-bidu nett tal-proġett Ewropew, it-tfittxija għall-paċi u s-sigurtà kienet il-mutur ewlieni li xpruna lill-pajjiżi parteċipanti biex jaħdmu flimkien fuq proġett komuni, li eventwalment evolva fl-UE tal-lum. Tul is-snin, dan l-esperiment ta lill-Ewropej is-suq uniku u l-erba’ libertajiet fundamentali, filwaqt li rawwem il-prinċipju tas-solidarjetà.

    Fil-marġini tal-BSF, il-Ministru Abela kellu l-opportunità li jiltaqa’ mal-Prim Ministru tal-Islovenja, Miro Cerar; mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Montenegro, Srdan Darmanovi?; u mad-Deputat Ministru tal-Affarijiet Barranin ta’ Dik li Kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, Andrej Zhernovski. Dawn il-laqgħat iffukaw fuq kwistjonijiet bilaterali u reġjonali ta’ interess jew tħassib komuni. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin iltaqa’ wkoll mal-eks Segretarju Ġenerali tal-Lega Għarbija, Amr Moussa, u mal-President tal-UEFA, Aleksander ?eferin