Vot b’saħħtu għal-liġi ta’ Miriam Dalli favur tnaqqis tal-emissjonijiet CO2

    Il-kumitat tal-ambjent tal-Parlament Ewropew adotta r-rapport tal-Ewroparlamentari Miriam Dalli li fih qed tipproponi t-tnaqqis mill-emissjonijiet tal-karozzi ġodda b’20% sal-2025 u 45% sal-2030 b’vantaġġi għall-konsumaturi u attenzjoni għal saħħitna.

    “Kburija ħafna b’dan ir-riżultat mhux biss għax huwa riżultat pragmatiku li jilħaq il-bilanċ delikat bejn l-interessi taċ-ċittadini u l-industrija, imma jħares lejn l-ambjent, it-tibdil tal-klima, il-konsumaturi, l-ħaddiema u l-innovazzjoni,” qalet Dr Dalli waqt konferenza stampa fi Strasburgu.

    Il-pass li jmiss huwa l-vot fil-plenarja x-xahar d-dieħel li jfisser aktar negozjati minn naħa ta’ Dr Dalli mal-gruppi politiċi biex imbagħad tibda l-ħidma mal-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill.

    Dalli saħqet li għaliha, punt prinċipali ta’ din il-liġi hija li tħares l-interessi tal-ħaddiema fis-settur tal-manifattura tal-karozzi, biex ikun hemm taħriġ adegwat hekk kif l-innovazzjoni u t-teknoloġija joffru opportunitajiet ġodda. Dawn l-opportunitajiet għandhom ukoll impatt pożittiv fuq il-konsumaturi.

    “Li nistimulaw il-produzzjoni ta’ karozzi li jniġġsu anqas ifisser li qedgħin ninvestu fl-innovazzjoni u nattiraw investiment dirett f’settur li qiegħed jikber ferm u li huwa ċar li l-industrija miexja f’dik it-triq. Imma dan ifisser li se jwassal ukoll biex ic-ċittaddini jkollhom għażla ferm aktar wiesgħa jekk iridu jaqilbu għal karozzi li ma jniġġsux. Barra minn hekk, huwa fatt li dan iwassal għal tfaddil mill-fjuwil,” spjegat Dalli.

    Dr Dalli spjegat kif it-trasport jikkontribwixxi għat-tniġġis fl-arja u għalhekk il-politiċi ma jistgħux jibqgħu passivi waqt li ta’ kuljum iċ-ċittadini jibilgħu dħaħen li huma tant ta’ ħsara għal saħħithom.

    Din it-transizzjoni iżda għandha bżonn l-appoġġ tal-politiċi, li jgħinu jagħtu direzzjoni u kunfidenza lill-privat. Għalhekk, Miriam Dalli qed issejjaħ għall-investiment kemm pubbliċi kif ukoll mill-privat fl-infrastruttura li tappoġġa dawn it-tip ta’ karozzi.

    “Il-vantaġġi huma kbar, mhux biss għax nistgħu noħolqu xogħolijiet ta’ kwalità’ għaċ-ċittadini Ewropej fl-Unjoni Ewropea stess. Għalfejn għandna nkomplu naraw kumpaniji jinvestu seba’ darbiet aktar barra, minn dak li jinvestu fl-Ewropa?” 

    Bil-vot tal-kumitat, Dr Dalli kisbet appoġġ għal miri ċari għal tnaqqis fl-emissjonijiet, inċentivi għal karozzi li ma jniġġsux jew iniġġsu anqas, sistema ta’ kreditu li tinċentiva l-manifattura, investiment fl-infrastruttura u appoġġ biex ikun hemm analiżi ċara ta’ kemm iniġġsu l-karozzi biex ma jkunx hemm repetizzjoni ta’ Dieselgate