Alfred Degiorgio lagħab €570,000 u tilef €71,000

    Alfred Degiorgio magħruf bħala “l-Fulu” kien lagħab fil-casinos €570,000 u tilef minnhom €71,000. Min-naħa l-oħra George Degiorgio magħruf bħala “ċ-Ċiniż” u s-sieħba tiegħu ma kinux lagħba.

    Dan ħareġ fil-Qorti hekk kif kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra Alfred Degiorgio, ħuh George Degiorgio u s-sieħba tiegħu Anca Adelina Pop, li qed jiġu akkużati b’ħasil ta’ flus.

    Fost dawk li ssejħu biex jixhdu kien hemm l-eks Assistent Kummisarju Neville Aquilina li illum jaħdem ma’ kumpanija tal-igaming. Huwa kellu l-inkargu li jeżamina jekk l-akkużati kinux jiffrekwentaw il-casino tad-Dragonara.

    Ix-xhud qal li Anca Adelina Pop qatt ma kienet marret f’dan il-casino, madanakollu s-sieħeb tagħha George kien mar darba waħda biss u Alfred kien imur ta’ sikwit f’dan l-istabbiliment fejn lagħab ‘il fuq minn €39,000 fi tliet snin u tilef €18,000 fl-istess perjodu. 

    Abigail Fenech f’isem il-casino ta’ Portomaso u tal-Oracle qalet li George u Anca qatt ma kienu klijenti tal-casino. Pero’ Alfred Degiorgio kien lagħab iktar minn €40,000 u tilef ftit iżjed minn €31,000 fl-Oracle Casino mentri fil-casino ta’ Portomaso lagħab ‘il fuq minn €457,000 u tilef ‘il fuq minn €16,000. 

    Xehed ukoll rappreżentant ta’ Casino Malta li qal li Alfred Degiorgio lagħbab fl-istabbiliment tiegħu €34,000 u spiċċa tilef minnhom €6,000.

    Il-każ ikompli nhar it-22 ta’ Ottubru li ġej.