Debono qal lill-Pulizija li ommu kienet tagħtih id-droga biex jorqod… iżid li kien ilu jieħu d-droga sa minn meta kellu disa’ snin

    Spettur tal-Pulizija rrakkonta kif Liam Debono kien qalilhom li huwa allegatament kien jieħu bejn tlieta u erba’ grammi kannabis kuljum u li kien ilu jabbuża mid-droga sa minn meta kellu disa’ snin u dan hekk kif ommu kienet tagħtih id-droga biex jorqod.

    Dan id-dettall ħareġ mix-xhieda tal-Ispettur Malcolm Bondin fil-kumpilazzjoni li għaddej Liam Debono ta’ 17-il sena, li qed jiġi akkużat bl-attentat ta’ qtil tal-Kuntistabbli Simon Schembri wara li tajru u kaxkru bil-karozza nhar il-15 ta’ Mejju li għadda.

    L-Ispettur Bondin ikkonferma wkoll li waqt l-arrest taż-żagħżugħ, il-Pulizija sabulu l-kannabis u żewġ crushers marbuta mal-abbuż tad-droga. 

    Tela’ jixhed ukoll il-kirurgu ortopediku John Cassareto, li invista lill-Kuntistabbli Schembri fl-Isptar Mater Dei. Huwa spjega kif Schembri kien fil-periklu li jitlef ħajtu minħabba l-ġrieħi gravi li kellu. 

    Wara li nvistah, Dr Cassareto kien qata’ jdejn il-kuntistabbli ftit ‘l isfel minn taħt il-minkeb. Spjega li l-vittma mhux se jkun qed jitlef aktar partijiet minn ġismu, madankollu huwa jista’ jsofri minn ħafna wġigħ.

    Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Fabian Fleri, Pierguido Saliba u Chantelle Casha mentri l-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia qed jidhru għal Liam Debono.