Jisħaq li għandu jinbidel l-isem tat-tifel Cristiano, jekk le ħa jkun “ittimbrat li mormi”

    Hekk kif il-Ġimgħa li għadda pajjiżna kien ixxokjat bis-sejba tat-tarbija li nstabet fuq għatba ta’ blokka ta’ appartamenti f’Buġibba, bosta kienu dawk li kkummentaw fuq dan l-inċident. It-tarbija, skont għażla tal-Maġistrat Joe Mifsud, ġiet imsemmija Cristiano u dan l-isem qanqal diversi diskussjonijiet.

    Ħafna kienu li qalu li din kienet għażla inevitabbli minn naħa tal-Maġistrat Mifsud peress li huwa partitarju kbir tal-Juventus u dan l-aħħar seħħ l-akkwist tal-plejer Cristiano Ronaldo, magħruf bħala c-CR7. Proprju n-numru 7 hija wkoll id-data tat-twelid tat-tifel u għalhekk ingħata l-isem Cristiano.

    Punt li semma’ it-terapista tal-familja Dr Charlie Azzopardi huwa jekk tarbija għandha dritt għal privatezza jew le. Azzopardi sostna li jekk it-tifel ħa jibqa’ jissemma Cristiano, dan it-tifel ħa jkun “ittimbrat li mormi.” Azzopardi jemmen li l-isem għandu jinbidel u li m’għandux jiġi mxandar mill-media.

    Dan is-sit tkellem ma’ Azzopardi u qal li jaqbel li ismu jinbidel “għax kulħadd jkun jaf min hu. Il-privatezza huwa dritt ta’ kulħadd. Hemm ħafna stigma marbuta mat-tfal addottati u fostered, speċjalment fejn tidħol saħħa mentali minħabba xi assoċjazzjonijiet li jista’ jkun hemm fl-iżvilupp. Il-media għandha rwol importanti fejn tidħol il-privatezza.”

    Huwa qal li “għalkemm hemm ċertu liġijiet biex jipproteġu tfal u adulti mhux l-ewwel darba li smajna jew qrajna dwar tfal mingħand ġurnalisti li mhux kapaċi jżommu privatezza ta’ dak li jkun bl-iskuza tal-‘pubbliku għandu dritt jkun jaf'. Id-dritt tal-informazzjoni, tal-protezzjoni u tal-libertà tal-espressjoni huma divisi minn ħitan flessibli ħafna u l-etika tal-ġurnalisti hija importanti ħafna. Sfortunatament il-korpi ġurnalistiċi m’għandhom saħħa ta’ xejn u l-liġi dgħajfa dwar dan.”

    “Anka tarbija għandha dritt għal privatezza. Għalfejn għandu jikber u kulħadd jaf l-istorja tiegħu mingħajr m’għandu għażla?” żied jgħid Azzopardi.

    Bosta kienu dawk li ikkummentaw u qablu perfettament ma’ din il-proposta għax jemmnu li permezz tal-media li xandret l-isem u d-dettalji tal-istorja ser joħloq impatt negattiv fil-ħajja tat-tifel la jikber. Kien hemm min qal li “biżżejjed għafsa ta’ qalb li dan it-tifel ġie mċaħħad mill-wens, it-tħannin, tħaddin u l-ħoss rassikuranti tat-taħbita tal-qalb t’ommu.”

    Fuq il-midja soċjali bosta kienu dawk li ma qablux mal-għażla tal-isem u saħansitra issuġġerew li peress li nstab il-Ġimgħa kellu jissemma Vittorio għall-festa.

    L-omm mitkellma fl-inkjesta maġisterjali

    Wara li t-tarbija nstabet abbandunata nhar il-Ġimgħa li għadda fuq għatba ta’ blokka ta’ appartament f’Buġibba, mill-ewwel bdew l-investigazzjonijiet sabiex tinstab l-omm. Wara sigħat ta’ investigazzjonijiet ġiet identifikata omm it-tarbija li hija Maltija u tkellmet mal-Pulizija bit-tama li tagħti spjegazzjoni ta’ dak li seħħ. Hija bħalissa qed tiġi mitkellma fl-inkjesta maġisterjali u l-Qorti ordnat divjet li jixxandar l-isem tal-omm u tal-qraba kollha tat-tarbija. L-investigazzjonijiet fuq dan il-każ għadhom għaddejjin.

    Intant, it-tifel intbagħat mill-Isptar Mater Dei u ingħata lis-sorijiet tal-Ursolini flimkien ma’ ħuħ ta’ sena.

    F’din l-istorja kien hemm kull sfera ta’ nies. Kien hemm min mill-ewwel ipponta subgħajh lejn l-omm, kien hemm min mill-ewwel irrefera għal nies barranin u kien hemm min mill-ewwel offra l-ewwel għajnuna bl-għotja ta’ diversi affarijiet għall-kura tat-tarbija. 

    Min-naħa l-oħra, kien proprju il-Prim Ministru u Mexxej Laburista li l-Ħadd li għadda saħaq li kien jinsab iddispjaċut għall-mod ta’ kif wieħed mill-ewwel jaqbeż biex jiġġudika lil nies oħra.

    Muscat qal li f’dan il-mument irridu li tirrenja l-empatija filwaqt li qal li “l-attitudni li titfa’ kollox fuq l-omm, għalija hija ta’ dwejjaq kbar għax turi sfortunatament il-mentalità maskilista li għadha tirrenja f’pajjiża fuq dan kollu.”