120,000 passiġġier aktar bir-rotot il-ġodda tar-Ryanair

    “L-10 rotot ġodda mħabbra minn Ryanair huma mistennija li jattiraw madwar 120,000 passiġġier iktar bejn April u Diċembru tas-sena d-dieħla u s-sena ta’ wara 150,000 passiġġier.”

    Sostna dan il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi waqt konferenza stampa li matulha l-linja tal-ajru “low-cost” Ryanair ħabbret li se tibda topera 10 rotot ġodda minn u lejn Malta fl-iskeda tagħha għas-sajf 2019. Dawn huma Cardiff, Cork, Exeter, Lamezia, Lussemburgu, Maastricht, Nantes, Oslo Torp, Perugia u Thessaloniki.

    B’hekk ir-Ryanair se jkollha 61 rotta minn u lejn Malta, bil-kumpanija qed tistma li ġġorr mat-3.1 miljun passiġġier kull sena. Ryanair ħabbret ukoll li se tkun qed tinvesti madwar €100 miljun biex ikun hawn ajruplan ieħor ibbażat f’Malta. 

    Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi stqarr li bl-imsemmi investiment, il-kumpanija se jkollha s-sitt ajruplan tagħha ibbażat hawn Malta li fi kliemu stess “dan jixhed l-impenn kontinwu ta’ Ryanair lejn Malta.”

    Dr Gavin Gulia, Ċermen tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) stqarr li r-rotot il-ġodda jikkomplimentaw l-istrateġija tal-Awtorità li tgħaqqad lil Malta ma’ kemm jista’ jkun destinazzjonijiet. “Din l-aħbar hija sinjal qawwi ta’ popolarità kontinwa li Malta bħala destinazzjoni li tipposjedi aktar prospetti ta’ tkabbir,” sostna Dr Gulia.

    Min-naħa tiegħu, David O’Brien, Chief Commercial Officer ta’ Ryanair, qal li bl-iskeda l-ġdida ta’ Ryanair għas-sajf li ġej, Malta se jkollha aktar rotot minn Heathrow, li fi kliemu stess din hija kisba importanti ferm.

    Biex tiċċelebra dan l-iżvilupp, Ryanair qed tniedi sale fuq titjiriet li jibdew minn €14.99 bejn Settembru u Ottubru. Il-bookings huma disponibbli sa nofsillejl tal-Ħamis 13 ta’ Settembru.