“Ġejna minn tant bogħod, kellna niltaqgħu f’ċertu data, f’ċertu post u f’ċertu ħin”

    Hekk beda biex jgħid ma’ dan is-sit, Joseph Calleja, ir-rapper Malti meta mitlub biex jispjega dwar il-grupp ‘Kapitlu 13’. Il-grupp huwa ffurmat minnu bħala l-awtur tal-lirika u Edward Magri, li jieħu ħsieb il-mużika. Żewġt irġiel mimlijin enerġija u li meta avviċinati għal intervista, ma naqsux milli juru l-irġulija ta’ bejniethom hekk kif minkejja li tgħajjira ġġib lill-oħra u l-botti għal xulxin baqgħu ġejjin waħda f’waħda għal madwar sagħtejn, meta ġew biex jikkumentaw dwar l-istorja tagħhom l-ewwel ħaġa li bdew kienet li kemm wieħed kif ukoll l-ieħor, “meta ngħid jiena nkun qiegħed nirreferi għalina t-tnejn bħala ħaġa waħda li tifforma Kapitlu tlettax”.

    “Għamilt minn mindu kelli 13-il sena sa 23 sena nikteb biss”… Joseph Kapitlu tlettax

    L-ewwel ma tkellimna kien ma’ Joseph li akkumpanjat mis-sieħba tiegħu qalilna li ilu minn mindu kellu 13-il sena li beda jħarbex il-versi, iżda li kellu jkun aktar minn għaxar snin wara li jikteb l-ewwel diska. Joseph qalilna li minkejja li jipprova jsib ħin għall-familja, ġieli tant ikun hemm kliem iberqen f’moħħu li jispiċċa b’ġismu mal-familja u moħħu fuq il-mejda li fuqha jħarbex il-lirika. Qalilna li filwaqt li jmur għax-xogħol bħal ħaddieħor, kif jirritorna mix-xogħol jagħmel madwar erba’ sigħat kuljum jħarbex il-lirika. Joseph qal ma’ din il-gazzetta li jemmen li s-suċċess ma jiġix mix-xejn u li wara kull diska hemm sigħat twal ta’ qari li jagħmluhielu ferm aktar faċli meta jiġi biex jikteb, b’vokabularju mħawwar minn diversi stili ta’ kitba. “Nemmen li twelidt biha, nemmen li bil-kitba tiegħi kapaċi ndaħħlek miegħi fl-istorja, naqbdek u nieħdok fl-istorja li rrid nirrakkuntalek.

    Minn naħa tiegħu Edward, magħruf aħjar bħala Dwardu spjegalna kif Kapitlu tlettax beda mill-Għarusa tal-Mosta, hekk kif kienu flimkien bdew jitkellmu dwar it-talenti tagħhom nibtet l-ewwel diska tagħhom ‘Warda Fuq il-Qabar’ u hemmhekk beda l-patt li mhux biss jibqgħu tnejn fil-grupp, iżda wkoll li jekk jiġri xi ħaġa bejniethom it-tnejn mela Kapitlu tlettax kellu jitħassar. Dwardu qalilna li dan id-delizzju mhux l-ewwel darba li jwassal għal argumenti ma’ tal-familja għax mhux biss jgħidu li mhux qiegħed ikollu ħin għalihom, iżda jispiċċa jagħmel sigħat sħaħ jipprova mużika differenti li għalihom ma tkun tfisser xejn ħlief storbju kontinwu. Missier Dwardu kien idoqq u nannuh kien organista l-Mosta, u ta’ età żgħira missieru pprova jdaħħal fih l-imħabba lejn il-mużika, iżda minkejja numru ta’ instrumenti li pprova jgħallmu missieru, Dwardu esprima l-imħabba tiegħu lejn il-pjanu, kitarra u l-baxx. Huwa spjegalna kif mindu ltaqa’ ma’ Joseph spiċċa qabad u investa fi pjanu u tista’ tgħid li ma jitilqux minn idejh. Interessanti l-fatt li minkejja l-bosta tentattivi ta’ missieru biex ibnu jdoqq xi tip ta’ instrument, u spiċċa qabad u tgħallem instrument billi xtrah u qgħad jipprattika waħdu. Fl-istess ħin Joseph spjega li ironikament ommu wkoll kienet sfurzatu biex jibda jkanta u malajr sab ruħu f’kor tat-tfal li tista’ tgħid li kellu jmur bilfors “minħabba flejjes kbar li kienet ħallset dak iż-żmien”. Fl-aħħar mill-aħħar Joseph ammetta li anke jekk kien stil letteralment differenti, jaf li kieku ma kellux ċertu tagħlim sa minn età żgħira, jaf kieku llum leħnu ma jippermettix li jkanta l-istess lirika li jikteb.

    Għalfejn Kapitlu tlettax?

    Forsi l-aktar li kienet diffiċli għal dawn it-tnejn biex jispjegaw kienet minn fejn ġie l-isem tal-grupp, u dan għax warajh hemm numru ta’ sinifikattivi li jistgħu jiġu interpretati b’mod differenti minn persuni differenti. Wara ftit it-tnejn qablu li ‘Kapitlu tlettax’ huwa l-aħħar kapitlu li fih m’inti se ssib xejn ħlief il-verità, verità li tniggeż jew tweġġa’ lin-nies mhijiex xi ħaġa importanti għax fl-aħħar mill-aħħar il-lirika tagħhom hija lirika diretta. Tlettax huwa wkoll l-età li Joseph kellu meta beda jħarbex l-ewwel versi u kellhom jkunu wkoll tlettax-il diska li maż-żmien kellhom jitkomplew minħabba r-rispons kbir li kellhom l-istess Joseph u Dwardu.

    “Kellna xewqa li ngħaqqdu r-rappers kollha ta’ Malta”… Joseph u Dwardu

    Huma komplew biex jispjegaw li x-xewqa tagħhom kienet li l-awtoritajiet jaslu jippromwovu r-rappers Maltin u kien għalhekk li huma saħansitra ppruvaw jgħaqqdu lill-istess rappers bil-għan li l-karba tkun akbar. B’ċertu delużjoni Joseph qalilna li din kienet xi ħaġa li mill-ewwel falliet hekk kif f’dan il-pajjiż minħabba ċ-ċokon tiegħu, kulħadd moħħu biex ikun fil-quċċata.

    Mingħajr ma semmew terzi persuni, Joseph u Dwardu qalu ma’ inewsmalta li hija ħasra li meta ppruvaw jintroduċu rappers oħrajn fix-xena lokali, minħabba ċ-ċertu stima li rnexxielhom jiksbu f’dawn l-aħħar snin, sfortunatament kien hemm minn minflok apprezza l-istess opportunità, ipprova jisraq ix-xena. Iżda ġara li meta dawn ippreżentaw ruħhom quddiem l-udjenza dawn spiċċaw ħadu daqqa ta’ ħarta għax “ir-rispett tiksbu b’dedikazzjoni u rġulija u mhux billi tippoppa sidrek”. Joseph infatti qalilna li jiddispjaċih ta’ kemm kien “iblah” u ta l-opportunità lil dawn il-persuni, u saħaq li minn issa ‘l quddiem se jkun qiegħed jippromwovi biss lilu nnifsu, u fl-istess ħin fakkar dwar dak li beda bih li meta jgħid lilu nnifsu jkun qiegħed jinkludi wkoll lil sieħbu Dwardu.

    “Lanqas hemm kliem biex niddeskrivi dak li għamlu miegħi l-ġenituri addottivi”… Dwardu 

    M’hemm l-ebda diskors biex nirringrazzja lill-ġenituri li addottawni. Dawn qabdu flushom u nvestewhom kollha fija bħala tarbija li ma kont infisser xejn u għamluni tagħhom. Dwardu saħaq li hija ħasra li hawn żagħżagħ li ma jirrispettawx jew agħar minn hekk jinsulentaw lill-ġenituri tagħhom. Kompla biex jgħid li jekk ma tasalx tirrispetta lil ommok u lil missierek, kif se tasal tirrispetta lis-soċjetà ta’ madwarek. “Jien ukoll ġieli qabżitli u kissirt xi ħaġa d-dar, u min ma tiġrilux bħala adoloxxent?”, kompla Dwardu hekk kif iċċara l-punt li jkun qiegħed jigdeb jekk jgħid li l-ħajja fil-familja hija ward u żahar, hekk kif meta tibda timmatura forsi ċertu kliem tal-ġenituri tibda tarah żejjed, tibda tħoss li int taf tagħmel kollox waħdek, iżda fl-aħħar mill-aħħar mal-ewwel intopp kważi kulħadd għandhom jirritorna għal parir.

    “Id-diski kollha għal qalbna, iżda battibekk xi ħaġa speċjali”

    Meta mistoqsijin minn din il-gazzetta rigward liema kienet l-aktar diska għal qalbhom, huma spjegawlna li minkejja li hawn min jagħmel distinzjoni bejn id-diski tiegħu huma japprezzaw id-diski kollha bħala marka tal-vjaġġ tagħhom it-tnejn fi stadji differenti f’ħajjithom. Minkejja dan huma t-tnejn qablu li meta wieħed iħares lura jsib li l-ewwel diski huma neqsin mill-karattru u li aktar kemm għadda żmien, l-esperjenza għallmithom li maż-żmien id-diski tagħhom bdew jissawru minn karattru u li kien hawn li ħadu spinta ‘l fuq fejn tidħol il-widna tas-semmiegħa u li tgħin biex tiżdied il-popolarità.

    Mitluba jwasslu l-messaġġ tagħhom, Kapitlu tlettax qalulna li llum qed naraw entużjażmu qawwi ħafna grazzi għall-era diġitali. Huma appellaw lil minn iħoss fih ċertu mħabba lejn xi tip ta’ delizzju biex jaslu jisfruttaw l-opportunità billi jattendu esbizzjonijiet ta’ oħrajn aktar profesjoniali. Saħqu ma’ inewsmalta li dak li jkun għandu jibqa’ umli u lest li jieħu kritika kostruttiva.  Huma tennew jgħidu li għall-ewwel, huma stess waqgħu fin-nasba tal-udjenza u kienu jibbażaw fuq is-segwaċi, iżda fl-aħħar mill-aħħar fehmu li huma jinsabu fi vjaġġ li fih hemm kemm maltemp kif ukoll bnazzi.