‘Laser pointers’ misjuba fis-suq lokali

    Id-Diviżjoni għar-Regolamenti Tekniċi (TRD) fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) tfakkar lill-importaturi u lill-bejjiegħa li l-prodotti laser pointers (bħalma jidher fir-ritratt) li qed jiġu mibjugħin bħala ġugarelli, huma projbiti mis-suq minħabba li huma ta’ riskju serju għall-konsumaturi u jistgħu jikkawżaw għama parzjali jew saħansitra permanenti. Għalhekk l-importazzjoni u t-tqegħid tagħhom fis-suq huma projbiti.

    Bejjiegħa li għandhom dawn il-prodotti għall-bejgħ huma meħtieġa li jneħħuhom b’effett immedjat u jibagħtuhom lura lill-fornitur tagħhom.

    L-importaturi għandhom jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa biex dawn il-laser pointers jiġu rtirati mis-suq b’effett immedjat. Kull bejjiegħ jew importatur li jinstab li qed iqiegħed dawn il-laser pointers fuq is-suq se jkun responsabbli għal azzjoni legali.

    Il-konsumaturi huma avżati wkoll biex ma jużawx dawn il-laser pointers u biex jirritornawhom għand il-bejjiegħ minn fejn xtrawhom.

    Għal xi mistoqsijiet jew għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jikkuntattja lill-MCCAA fuq 2395 2000 jew fuq info@mccaa.org.mt.