“Hugo Chetcuti tilef tliet litri ta’ demm u ma setax jiġġieled l-infezzjoni li ħakmitu”

    Hugo Chetcuti, tilef tliet litri ta’ demm u għalhekk ma setax jiġġieled l-infezzjoni tal-pnewmonja li kienet ħakmitu.

    Dan id-dettall mix-xhieda tat-tobba li operaw lill-imprenditur Malti, li kellu 52 sena u tilef ħajtu wara li qala’ daqqiet ta’ sikkina f’Paceville hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni tas-Serb Bojan Cmelik, li jinsab akkużat bil-qtil tiegħu.

    It-tabib Ayman Mustafa qal li kien ftit qabel il-11.00 p.m. tas-6 ta’ Lulju x’ħin kien infurmat li kien ġej vittma wara li qala daqqiet ta’ sikkina. Huwa qal li malli wasal l-Emerġenza, Hugo Chetcuti seta’ jitkellem iżda deher li kien ixxukkjat.

    Tenna kif malli fetħu l-istonku, sabu ħafna demm u perforazzjonijiet fl-imsaren. Qal li d-demm kien ġej mill-arterji u l-vini ta’ ġol-imsaren. Wara li waqqfu d-demm, it-tobba ċċekkjaw l-organi kollha għal tliet darbiet.

    Dr Mustafa xehed li għalqu l-perforazzjonijiet li kellu Chetcuti, waħda ikbar mit-tliet l-oħra. Għamlulu żewġ pajpijiet u bagħtu lill-pazjenti fl-ITU. 

    Fil-Qorti xehed ukoll il-kirurgu u konsulent fid-Dipartiment tal-Emerġenza Dr Jonathan Joslin, li spjega kif il-vittma kellu żewġ daqqiet ta’ sikkina li dehru fl-istonku. Għamlulu bħal ultrasound biex jaraw jekk kienx hemm demm fl-istonku u dan immarka pożittiv.

    Dr Joslin qal li Hugo Chetcuti kellu jiġi operat b’mod immedjat għax kien inixxi wisq demm internament u kien fi stat ta’ emoraġija. Huwa qal li Chetcuti beda jiġi operati għall-ħabta tal-11.15 p.m. 

    Il-każ ikompli fis-26 ta’ Settembru.