“Attenti għall-mezzi soċjali li qed iwasslu għas-suwiċidju” … Imfakkar il-Jum Internazzjonali għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju

    F’appell lill-ġenituri u liż-żgħażagħ, il-Psikologu Mark Xuereb li jmexxi t-tim tal-Crisis Resolution Malta talab biex kemm il-ġenituri kif ukoll iż-żgħażagħ joqogħdu attenti minn influwenza ħażina li qegħdin jagħtu ċerti logħob u siti fuq l-Internet li jwasslu għal ħsara fuq il-persuna u suwiċidju, fost l-aktar popolari l-Blue Whale u l-Mojo.

    Fi stedina għall-Istampa fil-ġnien tal-Argotti, il-Crisis Resolution Malta fakkar il-Jum Internazzjonali għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju u ħabbar li din l-organizzazzjoni non-governattiva issa qiegħda toffri l-għajnuna u l-pariri tagħha lill-Pulizija meta jkollhom każi ta’ persuni fi kriżi serja.

    B’tim ta’ disa’ professjonisti s-CRM għandha medja ta’ sitt telefonati kuljum bil-kriżi ta’ ansjetà soċjali bħala l-akbar problema u warajha dik ta’ problemi fir-relazzjonijiet. 

    Grazzi għall-intervent ta’ dan il-Crisis Team, li s-servizz telefoniku jopera 24/7, hu stmat li diġà ġew salvati 60 persuna mis-suwiċidju.

    Fil-messaġġ tiegħu, Dr Mark talab biex, “niddedikaw minuta lil dik il-persuna li tkun fi kriżi għax nistgħu nsalvaw ħajja.” Huwa jgħidlna li anke aħna nsiru membri tal-Crisis Team meta nagħmlu dan il-ġest tant importanti, ikollna sodisfazzjoni personali u nsiru eroj. 

    Huwa semma l-kampanja bl-islogan “Take One Minute” immirata biex nisimgħu u noqogħdu mal-persuna fi kriżi u niddedikawlha dik il-minuta li tista’ ssalva ħajja. 

    Dr Xuereb temm jgħid li, ‘ħafna drabi l-persuna li tkun qed tikkontempla tneħħi ħajjitha b’idejha, fil-verità din ma tkunx trid tmut iżda kull ma jkollha bżonn hu lil xi ħadd jagħtiha widen għas-sofferenzi li tkun għaddejja minnhom.”

    Kull min hu, jew taf lil xi ħadd li hu, għaddej minn xi kriżi jew għandu l-ħsieb ta’ suwiċidju jista’ jfittex l-għajnuna billi jċempel fuq: 99 33 99 66. L-għajnuna ssibuha!