ARA: Titwaqqa’ l-għola struttura tal-pajjiż … Iċ-ċumnija f'Dellimara xi ħaġa tal-passat

    Illum temmew ix-xogħlijiet ta’ twaqqigħ taċ-ċumnija f’Dellimara, dik li kienet l-għola struttura tal-pajjiż.

    Tul dawn ix-xhur ta’ żarmar, l-Enemalta wettqet kull ħidma possibbli sabiex il-materjal taċ-ċumnija jiġi riċiklat. Fil-fatt, matul il-proċess kollu, kien hemm madwar 5000 tunnellata ta’ metall li ġie riċiklat.

    Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi qal li l-Enemalta qegħda tagħmel passi ta’ ġgant.

    L-Enemalta investiet €100 miljun biex issaħħaħ id-distribuzzjoni tal-elettriku u għaddejja bi proġetti oħra hekk kif ukoll €20 miljun oħrajn ġew ivvotati għal din is-sena u s-sena d-dieħla.

    Mizzi sostna li Enemalta qed taħdem b’serjetà kbira u qal li minkejja li d-domanda dejjem qed tiżdied, l-interuzzjonijiet mhux prevedibli tad-dawl naqsu b’20%.