“Bini għoli għandu jkun mgħammar tajjeb u b’sistemi għal kontra n-nirien”

    L-aħħar prova għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li minnha ħareġ bl-unuri, kienet dik tan-nar li qabad fil-Kumpless tal-Magħtab. Dan kien it-tieni nar tal-istess natura f’temp ta’ sena wara dak li żviluppa fl-impjant tar-riċiklaġġ ta’ Sant’Antnin f’Marsascala s-sena li għaddiet. 

    Fl-intervista ta’ din il-ġimgħa, tkellimna mad-Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Emanuel Psaila dwar il-ħidma mwettqa minnhom f’inċidenti ta’ dik il-portata u x’prekawzjonijiet jittieħdu kemm għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom kif ukoll tar-residenti tal-madwar.

    Ma’ Psaila tkellimna wkoll dwar l-isfidi ta’ bini għoli li m’aħniex imdorrijin bihom u x’passi qed jittieħdu biex id-Dipartiment ikun attrezzat biex jilqa’ għal kull eventwalità inkluż it-taħriġ li jingħata lill-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili.

    X’inhuma l-isfidi li bħala Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jkollkom tħabbtu wiċċkom magħhom f’każi ta’ nirien maġġuri bħalma kien hemm ftit tal-jiem ilu fil-Magħtab? Kif ilqajtu għalihom?

    L-isfidi huma kbar. Meta għandek nirien ta’ dik il-portata trid tagħraf taħdem sewwa mill-bidu. Kien hemm diversi fatturi differenti b’rabta mal-ħruq li kien hemm is-sena li għaddiet u dak riċenti. 

    Issa għandna aktar vetturi ġodda b’kapaċità ta’ ilma akbar, allura tista’ flok tattakka n-nar b’4,000 litru ta’ ilma, issa tattakkah bi 11,000 litru. Punt ieħor kien ir-riħ, li żamm ‘il bogħod mill-infrastruttura biss xorta waħda ħadna ħsieb li l-istess infrastruttura nipproteġuha. 

    Minbarra hekk, l-impjant minnu nnifsu għandu sistema biex jilqa’ kontra n-nirien li ħadmet u ħadmet tajjeb. X’jiġri jekk ma jkollokx sistema bħal din? Sakemm tarma f’nirien kbar, jekk il-kwantità ta’ ilma ma’ tibqax ġejja, in-nar jerġa’ jikber u jieħdok. Biss meta għandek flow qawwi ta’ ilma, n-nar ikollu jċedi.

    Iktar ‘il quddiem b’MOU li għamilna mal-MIP se nġibu fil-ġimgħat li ġejjin żewġ bawżers ta’ 20,000 litru u tnejn oħra ta’ 40,000 litru. Dan biex hekk kif naslu fuq il-post, fejn forsi ma jkunx hemm sistema organizzata bħalma għandhom il-Wasteserv, aħna nidħlu b’kapaċità ta’ 80,000 litru ilma.  

    X’prekawzjonijiet jittieħdu kemm għas-saħħa tal-ħarsien tagħkom personali kif ukoll għar-residenti tal-viċinanzi meta dawn ma jkunux jafu x’ikun hemm f’impjant bħal dan?

    L-ewwel ħaġa li nagħmlu hija li naraw id-direzzjoni tar-riħ. Ir-riħ huwa fattur importanti fix-xogħol tagħna, kemm f’nar żgħir, kbir u anke nar ġo dar fost l-oħrajn. Kif rajna li d-daħna hija kbira u kienet qed tinfirex fl-inħawi ta’ San Ġwann, in-Naxxar, San Ġiljan, mill-ewwel ħriġna post permezz tal-paġna tagħna ta’ Facebook biex ir-residenti jagħlqu t-twieqi tagħhom. 

    Sadanittant ippjanajna stqarrija, tkellimna mad-Dipartiment tal-Informazzjoni (DOI) biex tinħareġ stqarrija oħra u tkellimna mal-Awtoritajiet tas-Saħħa u l-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex naħdmu b’mod konġunt flimkien u ngħinu wieħed lill-ieħor. Eventwalment, id-daħna telqet u mbagħad ħriġna stqarrija biex dak li jkun jiftaħ it-twieqi tar-residenza tiegħu mill-ġdid. 

    Dwar il-ħaddiema tagħna, dawn huma mgħallmin kollha kemm huma u għandhom l-ilbies protettiv kollu neċessarju li huwa tal-aqwa kwalità. Il-ħaddiema wkoll jafu li f’nar maġġuri (major fire) bilfors iridu jittieħdu l-prekawzjonijiet. 

    Kien hemm min ġibdilna l-attenzjoni minħabba li kien hemm xi nies minn tagħna li ma kinux lebsin il-maskli. Ir-ritratti jafu jqarrqu. In-nies illi ma kinux bil-maskla (bil-breathing apparatus) kienu ħafna ‘l bogħod mid-duħħan. Biss il-front liners, li kienu bil-hoses viċin ħafna tan-nirien, dawk kienu lebsin dan l-apparat. 

    Żgur li mhux se nħallu lill-ħaddiema tagħna ma jiħdux il-prekawzjonijiet. Anzi nieħu każijiet ta’ dixxiplina meta nara fuq il-midja ċertu ħaddiema illi pereżempju kellhom jilbsu l-breathing apparatus meta jkunu qed jitfu karozza, tarahom letteralment ġod-duħħan u ma jobdux l-ordnijiet.

    Tajjeb li ngħidu li meta ntefa’ n-nar fuq il-post, ma baqax iktar il-wind vacuum allura f’dak il-mument tiġi espost għad-duħħan u l-irwejjaħ. Hemmhekk ingħataw il-maskli anke lil min kien jinsab ‘il bogħod. 

    Imbagħad tħalna fit-tieni stadju, dak tal-cooling phase. Inġbarna l-uffiċjali fuq il-post u kellna żewġ metodi dwar kif stajna naħdmu. Waħda minnhom kienet li nibqgħu nagħtuh l-ilma, pero’ sa dak il-ħin konna diġa’ ħlejna sa 140,000 litru ilma. It-tieni metodu kien li nifgawh bit-terrapien. Allura rtirajna l-vetturi kollha lura kif ukoll lin-nies, ħallejna żewġ monitors biss fuq il-post u ħadna d-deċiżjoni li kellu jintradam.

    Għalxiex ħassejt il-bżonn li tkun preżenti fuq il-post?

    L-ewwel nett jiena uffiċjal tat-tifi tan-nar (fire-fighter). Bdejt fl-iżgħar skala u bla ma rrid inħoss minn xhiex ikunu qed jgħaddu l-ħaddiema tagħna. Dak il-ħin bħal donnu ma jtikx id-demm li tibqa’ fl-uffiċċju. Inti trid tkun il-persuna li l-ewwel nett tagħmel kuraġġ lin-nies tiegħek. Jekk jagħtu l-100%, dak il-ħin jagħtu l-150% jekk jarawk magħhom. Fl-istess waqt trid tirrapporta lill-uffiċjali ta’ fuqek - lill-Ministeru, lis-Sec. Perm. etċ. 

    Għalhekk inħoss li f’inċidenti kbar għandi nkun preżenti fuq il-post - l-ewwel nett għan-nies tiegħi biex nistimulahom aktar u t-tieni biex lil min qed imexxi l-operazzjoni ifehemni x’ikun qiegħed jagħmel, lilu nħallih imexxi l-operazzjoni u jiena nieħu aktar il-parti loġistika.

    Taħseb li għandu jkun hemm kontroll ta’ x’jintrema f’miżbla bħal din li jista’ jwassal għal ħruq u periklu għan-nies?

    Id-Dipartiment jaħdem viċin ħafna mal-Wasteserv u għandna relazzjonijiet tajbin ħafna magħhom. Dak li nipproponu, huma jiddiskutuh u jmexxuh ‘il quddiem.

    Bħalissa magħhom qed niddiskutu dwar kif għandhom jintremew il-flares. Jekk ma jkunx hemm regoli fejn tarmi flare, dan jintrema’ f’miżbla, fil-borża s-sewda, u jista’ pereżempju jqabbadlek il-kumpless sħiħ tal-Wasteserv. 

    Għalkemm mhix f’idejna illi niddisponu minnhom, sakemm insibu soluzzjoni, qed neħduhom aħna. Pero’ jmorru għand il-Wasteserv, jiġbruhom f’post, kultant żmien iġibuhom għandna u niddisponu minnhom aħna. Dan sakemm inkomplu bit-taħditiet u jinxtara l-apparat adegwat biex il-flares jibdew jiġu eliminati b’dan l-appartat.

    Matul din is-sena sa issa, kellkom iktar sejħiet għall-assistenza meta pparagunat mas-snin preċedenti? 

    Normalment it-trend tkun bejn 4,500 u 5,000 sejħa għall-assistenza kull sena. Ikun hemm madwar 1,500 oil spill fit-toroq, 1,500 nirien u numru ieħor ta’ sejħiet għall-assistenzi li jinkludu salvataġġi u false alarms fost l-oħrajn.

    Li qed ninnotaw hu li apparti li żidna l-kampanja edukattiva tagħna, li tidher u qed tinħass li żdiedet f’dawn l-aħħar snin, biss is-sena l-oħra kellna madwar 800 sejħa iktar mis-sena ta’ qabel. Fl-2017 kellna madwar 5,700 sejħa għall-assistenza. Biss din is-sena sal-lum diġa’ kellna 5,200 sejħa. Qed nantiċipaw li nilħqu l-istess ammont tas-sena li għaddiet u mhux ikun hemm tnaqqis. 

    Naħsbu il-fattur wara dan kollu jista’ jkun minħabba ż-żieda fil-popolazzjoni. Għandek iżjed nies u allura jkollok iktar inċidenti. Meta tkellimna mal-uffiċjali tal-Isptar Mater Dei dwar iż-żieda fl-inċidenti, dawn qalulna li għandhom l-istess problema bħalma għandna aħna. Għalkemm huma wkoll żiedu fil-kampanja edukattiva tagħhom u qed jgħallmu iżjed, pero’ din ir-rata qiegħda tikber kuljum.

    Kien hemm każ ta’ mewt traġika ta’ raġel b’riżultat ta’ dħaħen li bela’ wara ħruq li żviluppa f’appartament fejn kien joqgħod. Kienet qamet diskussjoni fejn issemmew x’miżuri għandhom jittieħdu biex titħares is-saħħa u s-sigurtà tar-residenti. X’inhuma l-kummenti tiegħek u x’qed isir dwarhom?

    Kien każ sfortunat. Qabel xejn l-irwol tal-Protezzjoni Ċivili huwa li jipprevjeni, jgħallem u jeduka imbagħad joħroġ fuq l-emerġenzi. Sfortunatament noħorġu fuq l-emerġenzi għaliex ma tantx ikollok riżorsi biex tagħmel affarijiet oħra.

    Tajjeb illi nsemmu li l-Gvern qed jieħu l-Protezzjoni Ċivili bis-serjetà u jrid jinvesti fiha. Għadu kemm ħabbar li l-istazzjonijiet tal-Protezzjoni Ċivili se jkunu kollha sismiċi.

    Mill-banda l-oħra huwa tajjeb ukoll illi n-nies jitgħallmu aktar u jkunu jafu li d-duħħan jitla’ ‘l fuq. Tajjeb li s-sidien tal-appartamenti jieħdu l-affarijiet tas-saħħa u s-sigurtà b’serjetà. Għax sfortunatament hawn Malta s-saħħa u s-sigurtà, għal bosta nies, jarawha bħala spiża żejda. Min jinvesti f’dan kollu, se jkun qed isibu fil-futur.

    Sadanittant, qed naħdmu wkoll fuq il-fire and safety regulations, li jobbligaw ċertu miżuri. Hawn jibda dieħel il-kunċett ta’ infurzar. Biss, ‘l hemm irridu nmorru. Kulħadd irid ikun konxju li huwa responsabbilità mis-saħħa u s-sigurtà, l-ewwel nett tiegħu nnifsu.

    Huwa tajjeb li nistaqsu “x’inhi tagħmel il-Protezzjoni Ċivili jew għalxiex qiegħda hemm?” Il-Protezzjoni Ċivili qiegħda hemm biex tipproteġi liċ-ċittadin. Pero’ ċ-ċittadin qiegħed jipproteġi lilu nnifsu? Għandek fire blanket jew fire-extinguisher id-dar? X’qed tagħmel bħala ċittadin biex tipprevjeni lilek innifsek l-ewwel? Jew qed nistenna li jinqalagħlek xi ħaġa imbagħad trid tiġi l-fire-engine biex issalvak?

    Din hija t-triq li rridu naqbdu u l-edukazzjoni li rridu ngħallmu. Aħna hemm qegħdin, nagħtu ħajjitna għal ħaddieħor. Imma int x’inti tagħmel? Inti ċċempel u ssuq? Għax jekk qed tagħmel hekk, qed tipperikola ħajtek u ħajjet ħaddieħor.

    Inti preokkupat bil-blokki kbar ta’ bini li m’aħniex imdorrijin bihom f’Malta? Kemm il-pajjiż, speċjalment id-Dipartiment, qed jipprepara f’każ ta’ ħruq?

    Preokkupat u minix għax diġa’ hawn bini għoli. Jiena nkun preokkupat jekk bini għoli ma jkunx mgħammar sewwa. Għandna nkunu attrezzati bl-aqwa għodda u makkinarju imma mhux biżżejjed.

    Ejja ngħidu li għandek blokka li fiha 100 metru. It-trakk l-iktar li se jagħtik 70 metru. It-trakk mhux qiegħed hemm biex iniżżel lin-nies imma biex jgħin lin-nies tiegħi jwassalhom fis-sular ta’ taħtu, biex intella’ l-għodda u nikkumbatti n-nar.

    L-aktar li jinteressanti li high rise buildings ikunu mgħammra tajjeb, ikollhom escape routes u sprinklers kif ukoll ikollhom sistemi għal kontra n-nirien kif suppost. Għalhekk huwa tajjeb li jkun hemm il-liġi għax min ma jsegwix dawn ir-regoli ikollu jaffaċċja pieni ħorox. 

    X’passi ttieħdu biex id-Dipartiment jiġi attrezzat biex jilqa’ għal kull eventwalità nkluż it-taħriġ tal-ħaddiema?

    It-taħriġ għall-ħaddiema tagħna huwa xi ħaġa sagrosanta. Kull nhar ta’ Ġimgħa filgħodu, il-ħaddiema jitħarrġu taħt skema. Aħna l-uffiċjali ngħidu pereżempju li f’dawn it-tliet xhur se jsir taħriġ fuq il-breathing apparatus. Mela l-ħaddiema kollha, kull nhar ta’ Ġimgħa, jridu jmorru jagħmlu dak it-taħriġ, inkluż jien, li ninżel ukoll magħhom għat-taħriġ.

    Sa issa kemm ili fit-tmexxija diġa’ għamilna t-taħriġ tal-foam, it-taħriġ tal-breathing apparatus (fire behaviour) u bdejn wkoll ir-rope access (li tixxabbat). Kont ili ftit mhux ħażin ma nixxabbat imma għamiltha għax jien irrid inkun eżempju għall-ħaddiema kollha. I lead by example (Immexxi bl-eżempju).

    It-taħriġ huwa wieħed kontinwu. Din is-sena 50 persuna segwew kors speċjalizzat f’tifi u rescue ta’ helicopters. Fit-tliet snin li għaddew 100 ħaddiem ħa taħriġ ġewwa Rotherdam fuq l-LNG peress li għandna l-impjant li jaħdem bl-LNG.  Se jkollna wkoll 30 persuna oħra li se jieħdu taħriġ fuq high-rise buildings. 

    It-taħriġ huwa parti importanti ħafna u qed inbassru li tant se jkun qawwi li jkollna training grounds tagħna speċjalizzati bl-aqwa teknoloġija u qed nantiċipaw li f’sitt snin ikollna waħda mill-aqwa training schools fl-Ewropa.

    Issemma wkoll li nbeda pjan biex jiġu rinovati l-istazzjonijiet tal-Protezzjoni Ċivili biex ikunu mgħammra għal kontra t-terremoti. X’tikkummenta f’dan ir-rigward?

    Huwa inutli li jkollok għaxar stazzjonijiet, jagħmel terremot u mbagħad ma jifdallek xejn. Terremot jista’ jiġri u jista’ ma jiġrix. Pero’ rridu nkunu preparati. Bħala amministrazzjoni preparajna pjan ħolistiku fuq medda ta’ għaxar snin u ppreżentajnieh lill-Gvern tal-ġurnata, li min-naħa tiegħu qed jixtarru sew.

    L-ewwel parti hija l-infrastruttura. Irridu li jkollna fire-stations moderni, anti-sismiċi u li jħarsu lejn 30 sena oħra. It-tieni parti tirrigwardja r-riżorsi umani. Qabel xejn irridu nagħmlu distinzjoni bejn fire-brigade u Civil Protection. Il-mentalità dwar fire-brigade hija li noħorġu nitfu u nmorru nagħmlu rescue… biss l-obbligi tal-Protezzjoni Ċivili ma jgħidulekx tieqaf hemmhekk biss. 

    Il-Gvern ħass li jrid jibda jagħti importanza lill-Protezzjoni Ċivili. Sal-lum inbidlu, mill-vetturi l-antiki, 24 fire-engine. Hemm pjan li fl-erba’ snin li ġejjin ikomplu jinbidlu u jiżdiedu vetturi li jilqgħu għad-domanda tal-lum u ta’ għada. Għax id-domanda tal-lum mhijiex tal-bieraħ. 

    Illum għandek attakki mit-terroristi, influssi tal-immigranti, il-high rise u t-teknoloġija li kontinwament qed tinbidel. Ma nistgħux inħallu perjodu ta’ 20 sena u mbagħad inbidlu. Il-bidla trid issir il-ħin kollu.

    Għalhekk qed naħdmu fuq ir-riżorsi umani. B’150 fire-fighter ma tistax tlaħħaq ma’ din id-domanda kollha u tibqa’ tagħmel il-mirakli. Għax inti trid tlaħħaq mal-5,000 sejħa li jsiru ta’ kull sena. 

    B’hekk nibqgħu nisħqu fuq l-edukazzjoni u l-prevenzjoni. Meta trawwem kultura fit-tfal tal-lum illi l-fire and safety hija xi ħaġa tagħhom ta’ kuljum, ma jħossuhiex bi tqila meta jikbru biex jinvestu pereżempju f’fire-doors għax ikunu trabbew f’dik il-kultura. Dik hija l-qabża fil-kwalità li l-Protezzjoni Ċivili trid tagħmel fis-snin li ġejjin.

    Xi pjanijiet oħra għandkom għall-futur? 

    Li l-Gvern ikompli juri interess fil-pjan ħolistiku nazzjonali li għandna. Il-Gvern diġa’ ħabbar li se jinbidlu l-istazzjonijiet. Fih għandek ir-riżorsi umani, it-tagħmir u t-taħriġ. Il-pjan huwa li ndaħħlu kuxjenza fost il-pubbliku.

    Inti x’inti tagħmel? Ħadthom il-miżuri neċessarji? Tkellimt biex tieħu dawn il-miżuri? Jekk nibdew bl-edukazzjoni, l-inċidenti jonqsu waħedhom. Se nkunu qed nagħfsu b’intensità fuq il-kampanji edukattivi u jekk il-pjan jirnexxi, fi żmien sitt snin oħra nkunu qed nitkellmu b’mod differenti.