Ħaddiema tal-UE "iva"… "Urieni l-avviż u qalli l-vakanza qiegħda għall-Ewropej biss”

    “Xbajt indur postijiet. Ġejt Malta legalment.  Mort f’ħafna postijiet tax-xogħol u kif ngħidilhom li jien ġej minn pajjiż mhux tal-Unjoni Ewropea, jgħiduli li huma jikkunsidraw li jħaddmu biss ħaddiema mill-Unjoni Ewropea”. Ħaddiem ieħor li ġej minn pajjiż Afrikan qalilna li “meta qed inmur napplika jgħiduli milli ewwel li jistgħu japplikaw biss ħaddiema tal-Unjoni Ewropea”.   IT-TORĊA fl-aħħar jiem stħarrġet dan il-fenomenu u r-raġunijiet li hemm warajh. Sidien ta’ postijiet tax-xogħol li kienu kkuntattjati taw diversi raġunijiet għaliex dan qed isir. Skont huma dan isir għax hu aktar faċli li timpjega ħaddiema mill-Unjoni Ewropea fejn jidħlu l-proċeduri tal-impjieg, waqt li oħrajn qalulna li ‘l-klijenti jħossuhom aktar trankwilli u kunfidenti jekk jinqdew minn ħaddiem tal-Unjoni Ewropea milli ieħor minn pajjiż terz jew Afrikan”.

    Quddiem dan Inewsmalta qajmet il-każ mal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) fejn dawn enfasizzaw li l-postijiet vakanti tax-xogħol għandhom ikunu inklussivi u ma jkunux jiddiskriminaw bejn ċittadini tal-Unjoni  Ewropea u persuni minn pajjiżi oħra li jkollhom id-dritt jew permess skont il-liġi li jaħdmu f’pajjiżna.

    Inewsmalta fl-aħħar jiem daret diversi stabbilimenti f’żoni turistiċi b’mod partikolari f’Buġibba u hemmhekk b’mod mill-aktar apert stajna naraw vakanzi għax-xogħol li b’mod ċar ħafna jgħidulek li min japplika irid ikun ħaddiem minn pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea.

    Quddiem dan, għamilna kuntatt mas-sidien ta’ xi wħud minn dawn il-postijiet tax-xogħol ħafna minnhom ristoranti jew ħwienet oħra marbutin mat-turiżmu.

    "Aktar faċli iġġibilhom permess tax-xogħol… imma jekk minn pajjiż terz u għandu permess?"

    Wieħed minn dawn is-sidien meta kuntattjat qalilna li “ir-raġuni għaliex  l-avviż inħareġ b’dak il-mod hu minħabba l-proċeduri biex napplikaw għal permess tax-xogħol.  Hu faċli ħafna li dawk membri tal-Unjoni Ewropea iġġibilhom il-permessi neċessarji”. Nistaqsuh imma jekk il-pożizzjoni tibqax l-istess f’każ li jmur ħaddiem minn pajjiż terż (jiġifieri bara mill-Unjoni Ewropea) u dan ikollu l-permessi kollha meħtieġa biex jaħdem.  Hawnhekk is-sid, jaħsibha ftit u jgħidilna “xorta ma nikkunsidrahx għax-xogħol. Ir-raġuni hi l-mentalità tan-nies. Jien għalija, Ewropew, jew minn pajjiż ieħor ma tagħmillix differenza, l-aqwa li jagħti l-ġurnata tax-xogħol, imma hawn klijenti li ma jidħlux għandek jekk jaraw Afrikan, Għarbi jew minn pajjiżi oħra.  Jien kelli klijenti li jgħiduli, niekol aktar mhux ġej qabel tneħħi dawk il-ħaddiema Afrikani. Ittini tort meta  li nimpjegaw mill-Unjoni Ewropea?”.

    Sid ieħor qalilna li “normalment l-Ewropej ikunu jafu aktar bil-lingwa Ingliża u għandhom ħiliet biex jikkomunikaw ferm aħjar minn dawk ta’ pajjiżi Afrikani jew Għarab. Qed ngħidlek dan mill-esperjenza.  Anki għal klijenti, jekk jaraw wieħed ta’ l-istess ġilda tagħhom iservi,  hi xi ħaġa li jippreferu milli jekk jaraw persuna minn pajjiż barra l-Ewropa. Tista’ ġġib wieħed jaħdem hawn u per eżempju l-ġimgħa u waqt il-ħin tat-talb jiltaqlek jew ma jiġilekx? Tista’ timxi hekk? Veru kwistjonijiet ta’ kultura u reliġjon dawn, imma finalment jien inħares lejn  x’jaqbel għan-negozju. Ma nistax nagħti skossi, billi jkolli ħaddiema li ma nafx fejn jien magħhom”.

    "Urieni l-avviż u qalli l-vakanza qiegħda għall-Ewropej biss”

    Ma’ inewsmalya tkellmu tliet ħaddiema minn pajjiżi terzi li għandhom il-permessi neċessarji tax-xogħol iżda waħda mid-diffikultajiet li sabu kienet dik li għadd ta’ sidien bdew jgħidulhom li l-vaganzi li ħarġu kienu għal ħaddiema Ewropej. 

    Wieħed mill-ħaddiema qalilna li “baqgħet f’moħħi meta mort għand ristorant li kellhom bżonn ħaddiema biex jgħinu fil-kċina. Kif dħalt u indunaw għal x’hiex mort, ġew fuqi mill-ewwel u bdew juruni l-bieb ta’ barra. Ippruvajt nispjegalhom imma bdew jurini l-avviż u jgħiduli li l-vakanza kienet għal persuni Ewropej. Kien kollu ta’ xejn li urejthom il-permess tax-xogħol”.

    Il-ħaddiema l-oħra esperjenza sitwazzjonijiet simili fejn wieħed minnhom anke ġie mwissi ma jerġgħax jidħol fi stabbiliment partikolari.

    Il-vakanzi ta’ xogħol għandhom ikunu inklussivi u ma jiddiskriminawx

    Intant IT-TORĊA tkellmet mal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza u anke bgħatnielhom ritratti ta’ dawn il-vakanzi diskriminatorji. Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) qaltilna li “tħeġġeġ li avviżi għal postijiet vakanti tax-xogħol għandhom ikunu inklussivi u ma jkunux jiddiskriminaw bejn ċittadini tal-Unjoni Ewropea u persuni minn pajjiżi oħra li jkollhom id-dritt  jew permess skont il-liġi li jaħdmu f'pajjiżna.”