ARA: Koppja tittieħed lejn l-isptar b'ambulanzi separati wara argument f'Wied il-Għajn

    Aġġornata: Rappreżentant tal-Pulizija kkonferma li l-ġlieda seħħet ġewwa l-appartament tal-koppja, fejn ir-raġel sofra ġrieħi wara li nkiser xi ħġieġ ġewwa l-appartament tagħhom. Ħadd iktar ma kien involut.

    Filwaqt li kemm il-mara u r-raġel ittieħdu b’ambulanza separata għall-Isptar Mater Dei għal aktar kura, s’issa jirriżulta li l-ebda persuna ma weġġgħet serjament. Madanakollu, il-pulizija għadha ma rċeviet l-ebda konferma fuq il-kundizzjoni tagħhom.

    Qabel: Dan is-sit jinsab infurmat li iktar kmieni llum, seħħ argument ġewwa Marsaskala li fih indarbet koppja.

    Kien għall-ħabta tat-3.20 p.m li l-Pulizija kienu infurmat bi ġlieda li kienet qegħda sseħħ Triq l-Iskal. Mill-ewwel rapporti, jidher li ntużat xi arma bil-ponta, iżda xħin waslu il-pulizija fil-post, irriżulta li ż-żewġ persuni weġġgħu bi ħġieġ.

    Mill-ewwel informazzjoni li rċevejna, jidher li l-argument kien wieħed ta’ natura familjari. Sorsi viċin l-post tal-aċċident ddeskrivewlna koppja li viżibbilment kellhom ġrieħi u demm fuqhom, però għadu ma kienx stabbilit jekk dawn kinux ta’ natura gravi jew ħfief.

    Fuq il-post hemm żewġ ambulanzi, kif ukoll numru ta’ vetturi tal-pulizija.

    Iktar żviluppi fil-ħin li ġej.