Il-Ġermanja b'inkwiet politiku ġdid? Il-Ministru għall-Intern jissimpatizza mad-dimostrazzjonijiet f'Chemnitz

    Il-Ġermanja jaf terġa’ tiffaċċja problemi politiċi wara li l-ftehim fis-seħħ bejn il-Kanċillier Angela Merkel u l-Ministru għal-Intern jidher li sfaxxa, b’dan tal-aħħar jiddefendi l-protesti minn gruppi neo-Nazisti f’Chemnitz. Hu wa saħansitra rrefera għall-immigrazzjoni bħala “l-omm ta’ kull problema politika”.

    Dan l-iżvilupp seħħ xahrejn biss wara li l-Ministru għall-Intern, Horst Seehofer, hedded li jisfaxxa l-koalizzjoni mmexxija minn Merkel dwar il-kwistjoni tal-fruntieri.

    Kien il-qtil ta’ Ġermaniż ta’ 35 sena b’daqqiet ta’ sikkina li wassal li jerġa’ jixref l-inkwiet għal Merkel.

    Gruppi tal-lemin estrem u eluf ta’ ċittadini tal-post niżlu fit-toroq ta’ Chemnitz biex juru d-diżapprovazzjoni tagħhom għall-politika ta’ immigrazzjoni mħaddna mill-Ġermanja.

    Seehofer kien mitlub biex jikkundanna d-dimostrazzjonijiet, li anke sarrfu fi ġlied mal-pulizija.

    Madankollu llum f’intervista huwa qal li xtaq li anke huwa jkun parteċipi fid-dimostrazzjonijiet.

    “Li kieku ma nokkupax il-kariga ta’ ministru, kieku bħala ċittadin ukoll kont ninżel fit-toroq nipprotesta,” saħaq Seehofer.

    Filwaqt li kkundanna l-vjolenza, huwa esprima simpatija mar-rabja li qed twassal għall-protesti.