Il-każ Skripal: Ir-Renju Unit b'mandat ta' arrest Ewropew għal żewġ Russi

    Prosekuturi Brittaniċi ħarġu mandat għall-arrest Ewropew għaċ-ċittadini Russi Alexander Petrov u Ruslan Boshirov. Iż-żewġ uffiċjali tas-servizzi sigrieti Russi qed ikunu akkużati bl-attentat ta’ qtil tal-eks-spija Russu Sergei Skripal, ta’ 67 sena, u bintu Yulia, ta’ 34 sena, bl-użu tal-velenu Novichok. Dan l-inċident bl-użu ta’ dan il-velenu fil-belt ta’ Salisbury, li jattakka lis-sistema ta’ nervaturi, kien l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu fil-Punent tal-Ewropa.

    Sergei Skripal kien arrestat fl-2006 mill-awtoritajiet Russi u kien inħeles fi bdil ta’ spiji bejn iż-żewġ pajjiżi fl-2010.

    Il-Prim Ministru Brittaniku theresa May saħqet li l-Gven wasal għall-konklużjoni li ż-żewġ individwi msemmijin mill-Pulizija u l-prosekutur huma uffiċjali tas-servizz sigriet Russu, magħrufin ukoll bħala GRU.

    Iż-żewġ Russi huma mfittxijin ukoll għall-qtil ta’ Dawn Sturges, li sabet il-kontenitur bil-velenu – bil-kontenitur ikollu l-forma ta’ bot tal-fwieħa – u użatu. Is-sieħeb tagħha wkoll safa avvelenat bħala konsegwenza iżda rnexxilu jsalva.