Partit b'politika kontra l-immigrazzjoni u b'għeruq neo-Nazisti jaf isir it-tieni l-akbar partit fl-Iżvezja

    Partit Żvediż li jagħmel mal-lemin estrem, b’għeruq fil-moviment neo-Nazista, mistenni li se jkun qed jiġbor mal-20% tal-voti mitfugħin fl-elezzjonijiet ġenerali Żvediżi. Dan skont l-aħħar stħarriġ elettorali.

    Id-Demokratiċi Żvediżi huma mistennijin li għaldaqstant isiru t-tieni l-akbar partit fil-Parlament wara is-Soċjal Demokratiċi.

    Tali rappreżentanza potenzjalment taf twassalhom biex iwaqqgħu kull gvern li ma jagħtihomx widen dwar il-politika tal-immigrazzjoni.

    L-ebda miż-żewġ koalizzjonijiet ewlenin tal-lemin u x-xellug mhuma mistennijin li jiksbu maġġoranza biex jiggvernaw, u s’issa kull partit fil-Parlament Żvediż, ir-Riksdag, saħqu li mhux mistennijin li jaħdmu mad-Demokratiċi Żvediżi.

    Torbjorn Larsson, professur fix-xjenza politika fl-Università ta’ Stokkolma, wissa li l-Iżvezja għandha tistenna perjodu ta’ kaos parlamentari.

    Stħarriġ ieħor indika li saħansitra il-partit tad-Demokratiċi Żvediżi jaf jikseb sa 25% tal-voti tal-elettorat, u potenzjalment biċ-ċans li jsir l-akbar partit.