Pittura ta’ da Vinci mhix se tkun esebita għalissa fil-Louvre ta’ Abu Dhabi

    Il-Louvre ta’ Abu Dhabi ppospona b’mod indefinit l-esebizzjoni tal-pittura Salvator Mundi – li hija l-iktar pittura li tiswa flus u huwa maħsub li hija xogħol tal-ġenju Leonardo da Vinci.Il-mużew imsemmi ma ta l-ebda raġuni għal dan il-posponiment. 

    Din il-pittura ta’ Ġesù kienet inxtart f’Novembru li għadda fi New York għas-som­ma rekord ta’ $450 miljun wara “battalja” qalila fi rkant. Wara kien sar magħruf li x-xerrej kien Prinċep mill-Ara­bja Sawdita. Il-Louvre ta’ Abu Dhabi fetaħ is-sena li għaddiet u din il-pittura kienet mistennija li tiġi esebita għall-pubbliku fit-18 ta’ Settembru li ġej. Skont rapporti li dehru f’ġurnali lokali, hemm possibbiltà li din il-pittura tibda tiġi esebita għall-pubbliku fil-11 ta’ Novembru tas-sena li ġejja.

    Dakinhar li kienet inxtrat din il-pittura, fuq il-midja bdiet spekulazzjoni kbira dwar minn seta’ kien ix-xerrej. Għall-ewwel il-midja Amerikana kienet irrapportat li x-xerrej kien Prinċep mis-Sawdi bl-isem Mohammed bin Salman. Iżda, dokumenti li kienet rat l-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters kienu jindikaw li x-xerrej kien il-Prinċep Sawdi Badr bin Abdullah bin Farhan. Dan tal-aħħar jidher li kien xtara din il-pittura għan-nom tad-Dipartiment tal-Kultura u t-Turiżmu ta’ Abu Dhabi.

    Il-ġenju Leonardo da Vinci kien miet fl-1519 u għadd fadal biss 20 pittura minn tiegħu. Minkejja l-prezz għoli li nxtrat bih din il-pittura, l-esperti ma jaqblux bejniethom jekk din hix verament ta’ da Vinci. Hemm min jgħid li din hija biċċa xogħol ta’ wieħed mill-istudenti tiegħu, iżda riċentament għadd ta’ esperti qalu li ma hemm l-ebda dubju li din hija ta’ da Vinci.