Salvini jattakka lil Merkel dwar il-politika tal-immigrazzjoni tal-Ġermanja

    Il-Ministru Taljan għall-Intern Matteo Salvini attakka lill-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel u saħaq li din ma kinitx qieset kollox fil-politika li ħaddnet fir-rigward tal-immigrazzjoni. Huwa għamel dawn il-kummenti wara li fl-aħħar jiem fil-belt ta’ Chemnitx fil-Lvant tal-Ġermanja żvolġew diversi dimostrazzjonijiet wara li raġel Ġermaniż allegatament inqatel b’daqqiet ta’ sikkina minn Sirja u Iraqqin.

    F’inervista max-xandar Ġermaniż “DW” Salvini saħaq li “Merkel ċertament ma tatx l-importanza meħtieġa lir-riskji ta; natura soċjali meta qalet li fil-Ġermanja hemm biżżejjed spazju għal mijiet ta’ eluf ta’ persuni”.

    Salvini għamel ukoll referenza għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Aħħar tas-Sena f’Cologne fl-2015, b’diversi każi ta’ abbużi sesswali jiġu rapportati lill-awtoritajiet. Mill-2015 ’l hawn il-Ġermanja laqgħet miljuni ta’ refuġjati bħala parti minn dak li Merkel kienet issejjaħ bħala “politika tal-bieb miftuħ.”