ARA: Interpretazzjoni mill-isbaħ b’messaġġ b’saħħtu tal-kanzunetta ‘xemx’

    XEMX - Music video ġdid tal-kanzunetta popolari mis-snin 70, interpretat minn Cliff Zammit Stevens bis-sehem ta’ Ira Losco

    Fil-jiem li għaddew, it-tenur lokali Cliff Zammit Stevens nieda music video ġdid bis-sehem tal-kantanta popolari Ira Losco. Miġbud f’toroq tipikament Maltin, dan il-music video iwassal messaġġ ta’ għarfien kontra l-vjolenza domestika, l-abbuż mid-droga, is-saħħa mentali, l-HIV u l-abbuż fuq it-tfal. Dawn il-ħames elementi huma l-pilastri ewlenin tal-Fondazzjoni Marcy - fondazzjoni imwaqqfa il-ġimgħa l-oħra dedikata għall-memorja ta’ Omm Zammit Stevens stess.

    It-tenur jispjega li l-music video imniedi, juri numru ta’ persuni li mal-ewwel daqqa t’għajn jidhru kompletament normali, iżda kif tħares iżjed mill-qrib tinduna li għandhom ċerti diffikultajiet. Dawn l-istess persuni jilbsu borża tal-karti li tirrappreżenta l-emozzjoni li preżentament ikunu qed iħossu. Iżda ma’ tmiem l-istess video, huma jeħilsu mill-problemi li jkollom u terġa tfeġġ it-tbissima fuq wiċċhom. “Għaldaqstant, xemx hija diska ta’ tama” spjega Zammit Stevens.

    Il-kanzunetta maħruġa oriġinarjament fis-snin 70 minn Dominic Grech għadha waħda ferm popolari sal-ġurnata tal-lum u bla dubju toħloq emozzjoni fost dawk preżenti meta tindaqq. Din il-verżjoni l-ġdida kienet taħt id-direzzjoni ta’ Matthew Muscat Drago, bi produzzjoni ta’ Howard Keith/Bettina Cassar b’mixing ta’ Howard Keith u ġiet irrekordjata fil-Jagged House Studios.

    L-appuntament li jmiss għal Zammit Stevens huwa kunċert tal-10 Anniversarju li ser jittella’ nhar it-3 ta’ Ottubru fi Pjazza San Ġorġ il-Belt Valletta, liema kunċert se jkun appoġjat minn Valletta18 u sponsorjat minn Intercontitental Malta u BOV. F’dan il-kunċert, Cliff Zammit Stevens mistenni jinterpreta din il-kanzunetta bis-sehem ukoll ta’ Ira Losco.

    Reġistrazzjoni u riservazzjoni huma disponibbli minn www.showshappening.com. Aktar informazzjoni dwar Marcy Foundation tista tinkiseb billi żżur www.themarcyfoundation.com jew billi żżur il-paġna tagħhom fuq facebook.