“Għandna ħafna x’nitgħallmu minn Bjorn”

    Wara li Bjorn Formosa għamel operazzjoni delikata, il-ħabib u kantant Ivan Grech, qal li hu ta’ ispirazzjoni għalih…

    “Nammira ħafna id-determinazzjoni tiegħu. Bjorn għandu qalb kbira u jimtela b’aktar enerġija u kuraġġ meta jkun qed joħroġ b’ideat u jorganizza fundraising events.”

    Hekk qal ma’ dan il-ġurnal il-kantant tal-band Winter Moods Ivan Grech wara li lbieraħ Bjorn Formosa temm operazzjoni ferm delikata bil-possibiltà li tħallih mingħajr vuċi hekk kif l-istat tas-saħħa tiegħu iddeterjorat b’mod drammatiku fl-aħħar ġimgħat.  Bosta kienu dawk li awgurawlu biex l-operazzjoni tkun suċċess u biex ikun jista’ jkompli bil-ħidma tiegħu.

    Grech qal li “għandna ħafna x’nitgħallmu minn Bjorn. Huwa ta’ ispirazzjoni għalija u għal ħafna u ħafna oħrajn u għalhekk huwa ta’ unur għalija li nagħti sehemi u nkun parti żgħira mill-ħolma tiegħu. Lil Bjorn sirt nagħfu ħafna aktar f’dawn l-aħħar sentejn, diġà ħdimt miegħu s-sena l-oħra u tajtu id-dħul kollu mill-biljetti tal-kunċert tiegħi ġewwa Ta’ Liese €20.000 biex jkompli jwettaq il-ħolma tiegħu li hija Dar Bjorn. ”

    Bjorn beda jbati mill-marda tal-ALS f’Awwissu 2015. Minn dakinhar, beda numru ta’ attivitajiet ta’ ġbir ta’ flus u biex titqajjem kuxjenza, li wasslu biex infetħet Dar Bjorn f’Novembru 2017. Permezz tad-dar li fetah Bjorn f’Ħal Qormi qed isir ħafna ġid. Bjorn issa qed jaħdem għat-tieni dar fil-komunità.

    Proprju s-Sibt li għadda huwa ħa sehem f’kunċert ta’ mużika ġewwa Pjazza San Ġorġ għal Versatile & Friends for ALS. Bjorn iddeskriva dan il-lejl bħala wieħed tassew memorabbli u maġiku. “Hekk kif qed nersaq lejn l-aktar ġurnata diffiċli fil-ħajja tiegħi, jien se niftakar dejjem waħda mill-isbaħ esperjenzi li qatt għext. Il-ħajja hija dejjem sabiħa, il-ħajja hija dak li nagħmlu minnha.”

    “Il-kunċert tas-Sibt kien konferma kemm il-Maltin japrezzaw u jħobbu lil dan il-bniedem b’qalb tad-deheb,” qal il-kantant u ħabib tiegħu Grech.

    Ta’ min jiftakar li f’Mejju li għadda ħames Membri tal-Parlament Ewropew Maltin - David Casa, Miriam Dalli, Roberta Metsola, Marlene Mizzi u Francis Zammit Dimech - ingħaqdu flimkien biex jinnominaw lill-attivist tal-ALS Bjorn Formosa għall-Premju taċ-Ċittadin Ewropew.

    L-MEPs tal-Partit Laburista Marlene Mizzi u Miriam Dalli qalu: “Minkejja li qed jiġġieled marda terminali, Bjorn iddedika ħinu biex jgħin li ħaddieħor billi jżid il-kuxjenza, jiffinanzja r-riċerka u fetaħ dar għall-pazjenti tal-ALS u l-MS. Bjorn wera xi tfisser li wieħed jaħseb f’ħaddieħor u li toffri ruħek għas-soċjetà.”

    L-ALS - Amyotrophic Lateral Sclerosis - hi marda kronika terminali li twassal għall-mewt ta’ newroni li jikkontrollaw muskoli volontarji. Din il-marda hi kkaratterizzata minn muskoli ebsin, uġigħ fil-muskoli, u gradwalment dgħufija minħabba li l-muskoli jibdew jiċkienu. Dan iwassal għal diffikultajiet biex wieħed jitkellem, jibla’ u eventwalment jieħu n-nifs.