Taħriġ tal-memorja għal madwar 50 professjonist li jaħdmu ma’ persuni bid-dimensja

    Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis attenda għat-tnedija ta’ programm ta’ taħriġ tal-memorja li qiegħed jiġi organizzat mill-International Institute on Ageing, United Nations-Malta (INIA), f’kollaborazzjoni ma’ EURAG Memory Training Centre fi Praga, Czech Society for Memory Training and Brain Jogging, u d-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità. 

    Dan il-programm ta’ 40 siegħa jinvolvi taħriġ fuq il-funzjonijiet differenti tal-moħħ u bosta tekniki li jistgħu jgħinu biex jistimulaw partijiet differenti mill-moħħ tal-bniedem. B’hekk dan it-taħriġ ser iwassal biex madwar 50 persuna mis-settur pubbliku, u anke minn għaqdiet mhux governattivi, ikunu jistgħu joffru taħriġ tal-memorja lil anzjani li għandhom id-dimensja. 

    Fid-diskors tiegħu, Anthony Agius Decelis qal illi dan it-taħriġ jikkumplimenta l-Istrateġija Nazzjonali għad-Dimensja fil-Gżejjer Maltin 2015 – 2023, li tenfasizza l-bżonn illi jkun hemm kordinazzjoni bejn is-servizzi, u li dawn is-servizzi jkollhom riżorsi adekwati sabiex ikunu jistgħu jirrispondu għall-bżonnijiet varji tal-individwi. 

    Rosette Farrugia Bonello, Deputat Direttur ta’ INIA Malta, qalet illi dan il-programm ta’ taħriġ fuq il-memorja qed jiġi organizzat propju fix-xahar ta’ Settembru, li huwa rikkonnoxxut bħala World Alzheimer’s Month, sabiex titqajjem iktar kuxjenza fuq l-isfidi li jkollhom in-nies li għandhom id-dimensja, kif ukoll il-familji tagħhom. Persuni bl-Alzheimer’s jiżdiedu kull 3 sekondi madwar id-dinja. Għalhekk dan it-taħriġ hu importanti u bżonjuz għal dawk li jaħdmu mal-anzjani għaliex b’hekk ikunu jistgħu joffrulhom kwalità ta’ ħajja aħjar.

    Is-Segretarju Parlamentari kkonkluda billi qal li huwa permezz ta’ inizjattivi bħal dawn, ikkordinati ma’ bosta partijiet soċjali u entitajiet, illi l-Istrateġija Nazzjonali għad-dimensja ma tibqax sempliċiment dokument, imma tieħu l-ħajja f’miżuri differenti li jħallu impatt pożitiv fuq il-ħajja tal-anzjani Maltin u Għawdxin.