Il-Banda Queen Victoria taż-Żurrieq f’Aosta, l-Italja

    Bejn il-5 u l-11 ta’ Settembru 2018, il-Banda Queen Victoria taż-Żurrieq ser tkun il-mistiedna speċjali tal-Komun t’Aosta, sabiex tieħu sehem fil-festi ad unur San Grato, il-Patrun ta’ dan ir-reġun Taljan. 

    Il-Banda Queen Victoria, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Alfred Farrugia, ser tkun qed ittella’ Kunċert ta’ Mużika Klassika f’Teatro Splendor of Aosta nhar il-Ħamis, 6 ta’ Settembru.  L-għada l-Ġimgħa, 7 ta’ Settembru, f’Jum il-Festa ta’ San Grato, il-Banda Queen Victoria flimkien mall-Banda Musicale Di Aosta ser tkun qed takkumpanja l-purċissjonibid-daqq tal-marċi brijużi.  Wara nofsinhar, ser jittella’ sezzjoni ta’ taħriġ u workshops bejn il-bandisti tal-Banda Queen Victoria u l-mużiċisti tal-Musicale Di Aosta.  Filgħaxija, il-Banda Queen Victoria terġa’ tkun mpenjata bi programm ta’ mużika sagra fil-Cattedrale di Aosta.

    Kontinġent ta’ 180 persuna ser ikun qed jerħilha lejn dan ir-reġjun Taljan, sbieħ l-Erbgħa, 5 ta’ Settembru, permezz ta’ titjira chartered tal-Airmalta, sabiex mhux biss ser tkun qed titnaqqax parti oħra fl-istorja twila u glorjuża ta’ din il-Banda, iżda wkoll ser ikun qed jaqsam din l-esperjenza ma’ kommunita’, banda u festa b’kultura differenti minn tagħna.   Fl-istess waqt, il-bandisti u l-partitarji ser ikunu qed jieħdu din l-okkażjoni sabiex igawdu mis-sbuħija naturali ta’ dan il-post.