“Nemmen li kieku Ġesù qiegħed fostna fiżikament ikun qiegħed jimmarċja fil-Pride March”

    Hekk kif fi ftit tal-jiem oħra, proprju fl-14 ta’ Settembru se tkun qiegħda tiġi organizzata attività ta’ rużarju ‘b’riparazzjoni lil Alla għal Malta Gay Pride 2018 u l-aġenda tal-LGBT’, b’ġurnata wara jseħħ il-‘Pride March’, dan is-sit talab ir-reazzjoni tal-organizzatur ta’ din tal-aħħar Clayton Mercieca.

    Mercieca rrimarka li dak li huwa tad-daħk jekk mhux tal-biki fil-poster huwa l-użu ta' ritratt meħud minn barra li jagħti x'jifhem li l-gays qed iwaqqgħu għaċ-ċajt iż-żwieġ jew il-familja.

    Huwa rrimarka li l-istess ritratt huwa kompletament barra mill-kuntest tiegħu u sfortunatament juri kemm għad hawn min ma fehemx l-iskop tal-Gay Pride. Mercieca qal li hija ħasra li l-istess għaqda titkellimx għall-inġustizzji lejn dawk li huma vulnerabbli u emarġinati mis-soċjeta.

    Mercieca temm jgħid li “Nemmen li kieku Ġesù qiegħed fostna fiżikament ikun qiegħed jimmarċja fil-Pride March”.