Mill-inqas 9 persuni midrubin f'aktar tensjoni fil-Ġermanja b'eluf jinżlu fit-toroq jipprotestaw kontra l-immigrazzjoni

    Mill-inqas disa’ persuni sfaw midrubin hekk kif dimostranti tal-lemin estrem kienu involuti fi ġlied mal-Pulizija fil-belt ta’ Chemnitz fil-Lvant tal-Ġermanja. Dan hekk kif it-tensjoni kaġun tal-qtil ta’ raġel Ġermaniż b’daqqiet ta’ sikkina kompliet tikber. B’rabata ma’ dan l-omiċidju ġew arrestati raġel Sirjan u ieħor Iraqqin.

    Fid-dimostrazzjonijiet li żvolġew ilbieraħ mal-4,500 persuna li jappoġġjaw gruppi tal-lemin estrem niżlu fit-toroq.

    Id-dimostranti dehru jġorru ritratti ta’ persuni li skonthom sfaw vittmi ta’ attakki minn persuni li qed ifittxu l-ażil fil-Ġermanja.

    Uħud bdew jgajtu wkoll “Merkel għandha twarrab” filwaqt li kienu qed ixejru bnadar Ġermaniżi.

    Għad-dimostrazzjonijiet attendew ukoll mat-3,500 persuna biex juru l-appoġġ tagħhom lil Merkel u d-deċiżjoni tagħha tal-2015 li tiftaħ il-fruntieri tal-Ġermanja lil aktar minn miljun immigrant li kienu qed ifittxu ażil.