Il-militar Amerikan se jħassar mat-$300 miljun f'għajnuna lill-Pakistan minħabba gruppi terroristiċi

    Il-militar Amerikan ħabbar li se jkun qed iħassar mat-$300 miljun f’għajnuna lill-Pakistan wara li saħaq li l-Gvern Pakistani naqas milli jieħu azzjoni fil-konfront ta’ gruppi militanti.

    Il-President Amerikan Donald Trump kien akkuża lill-Pakistan li qed tqarraq bl-Istati Uniti filwaqt li qed tirċievi biljuni ta’ dollari f’għajnuna.

    Kelliemi għall-Pentagon, il-Logotenent Kulunell Kone Faulkner, qal li l-militar Amerikan se jara li l-flus li kienu indirizzati lill-Pakistan jintefqu fuq “prijoritajiet urġenti” oħrajn.

    Din il-mossa, li jeħtieġ li tkun approvata mill-Kungress Amerikan, tagħmel parti minn azzjonijiet mill-Istati Uniti fil-konfront tal-Pakistan li kienu mħabbrin f’Jannar li għadda.

    Id-Dipartiment għall-Istat Amerikan ikkritika lill-Pakistan talli naqas milli jiffaċċja u jaġixxi kontra netwerks terroristiċi li qed joperaw fil-Pakistan, fosthom in-netwerk Haqqani u t-Talibani Afghani.

    Din l-aħbar waslet jiem biss qabel ma s-Segretarju għall-Istat Amerikan Mike Pompeo se jkun qed iżur lill-Pakistan biex jiltaqa’ mal-Prim ministru ġdid, Imran Khan.

    F’Jannar li għadda l-amministrazzjoni ta’ Trump kienet ħabbret li kienet se taqta’ kważi kull forma ta’ għajnuna indirizzata għas-sigurtà tal-Pakistan.